Saħħet Nelson Mandela tirreġistra titjib

Il-kundizzjoni ta’ saħħet l-eks President Afrikan Nelson Mandela jidher li qed taqleb għall-aħjar b’Mandela qed ikun jiflaħ iqum bilqegħda għal ftit minuti kuljum.

Dan qaliltu bint l-eks President Afrikan fuq it-televiżjoni tal-istat Afrikan. Bint Nelson Mandela sostniet li kull ma jmur missierha qed isir aktar alert u jirrispondi għal dak li jsirlu.

Mandela ta’ 95 sena ilu l-isptar fi Pretoria għal dawn l-aħħar xahrejn minħabba li qed jingħata l-kura għall-infezzjoni fil-pulmun. Il-Gvern Afrikan kien sostna li l-kundizzjoni tiegħu baqgħet waħda kritika iżda qed turi wkoll titjib.