Saħħet l-eks Kummissarju Ewropew John Dalli tirrikjedi li ma jiltaqax man-nies

L-eks Kummissarju Ewropew tas-Saħħa John Dalli qed jipposponi milli jiltaqa’ ma’ min qed imexxi l-investigazzjoni f’Malta minħabba li skont l-aħħar ċertifikati mediċi, il-kundizzjoni ta’ saħħtu bħalissa tirrikjedi li ma jiltaqax man-nies.

Il-ġurnal The Times irrapporta li ċ-ċertifikati mediċi ta’ Dalli jgħidu li ma jistax isiefer fit-tul minħabba problemi ta’ saħħa. Fil-preżent, John Dalli qed jingħata l-kura fi klinika fil-Ġermanja.

L-ewwel ċertifikat mediku ta’ John Dalli jmur lura f’Diċembru li għadda u skada f’Jannar. Dan ġie estiż sal-aħħar ta’ Frar. Id-data taċ-ċeritifikat reġgħet ġiet estiża sal-aħħar ta’ Marzu. Minkejja l-kundizzjoni ta’ saħtu, il-Malta Today irrappurtat li l-eks Kummissarju Ewropew il-ġimgħa li għaddiet għamel statement ta’ iktar minn tliet sigħat lill-pulizija Belġjana.

L-għada, hu kellu jidher il-Qorti minħabba libell imma John Dalli ma deherx.

F’Ottubru li għadda John Dalli intalab jirriżenja minn Kummissarju Ewropew wara li investigazzjoni tal-aġenzija OLAF sabet li kien konxju li n-negozjant Silvio Zammit kien qed juża ismu biex jinfluwenza liġijiet dwar is-suq tat-tabakk.