Saħħa Mentali: “Diġà diffiċli għalihom…”

L-Alleanza għas-Saħħa Mentali (A4MH) esprimiet it-tħassib tagħha dwar persuni li jbatu minn mard ta’ saħħa mentali u li qed jispiċċaw fil-mira ta’ kummenti negattivi u dispreġġjattivi.  Saħqet li dawn in-nies ma jħossuhomx li jistgħu jiddefendu ruħhom fil-pubbliku, hekk kif diġà jinsabu f’ċirkostanzi diffiċli.
B’referenza għall-vann li lbieraħ spikka fil-Karnival tan-Nadur, u li fuqu kellu miktub Mount Carmel Taxi, Crazy, Sick People, il-President tal-Alleanza għas-Saħħa Mentali qal li għad hemm stigma b’saħħitha madwar in-nies li jbatu minn mard mentali.
Fl-istess waqt, l-A4MH laqgħet il-fatt li qed tqum kuxjenza nazzjonali u diskussjoni dwar il-mard mentali.
Sostniet li flimkien ma’ għaqdiet oħra bħall-pjattaforma tal-President ta’ Malta, se tkompli tipparteċipa fi programmi edukattivi u billi tkompli toħloq pressjoni u tfassal standards għal trattament xieraq u dinjituż għal dawk li jiżviluppaw diffikultajiet ta’ saħħa mentali.