Impjegat tal-Parroċċa tal-Isla mhedded b’turnavit f’attentat ta’ serqa

Raġel li pprova jisraq mill-Bażilika tal-Isla falla fit-tentattiv tiegħu wara li l-impjegat tal-parroċċa ma tahx il-flus li talbu u ssakkar f’kamra.
Newsbook.com.mt tkellem mal-impjegat, li qal li l-attentat seħħ dalgħodu xħin persuna daħlet fis-sagristija u talbitu biex jagħtiha xi flus.
Ir-raġel, li rapporti oħra qed jgħidu li aktarx hu barrani, kellu f’idejh turnavit u kkmanda lill-impjegat jagħtih il-flus, inkella kien se joqtlu, filwaqt li poġġieh fuq siġġu bil-herra.
L-impjegat, Luca Zaltrone, li huwa Taljan, kompla jirrakkonta lil Newsbook.com.mt li ma riedx jagħtih flus, u minnufih ġera għal kamra oħra u ssakkar fiha, iżda l-allegat aggressur ipprova jkisser il-ħġieġ tal-bieb biex jidħol għalih.
Kelliema għall-Pulizija kkonfermat l-inċident, u filwaqt li qalet li xejn ma nsteraq, il-Pulizija tinsab għaddejja bl-investigazzjonijiet biex tasal għall-aggressur.