Saga ta’ serq f’Għawdex; 3 arrestati

Read in English.

Tliet persuni ġew arrestati b’rabta ma’ sensiela ta’ serqiet li seħħew minn djar f’Għawdex f’xahrejn. Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-arresti saru fil-Marsa nhar it-Tnejn li għadda.

Is-saga ta’ serq f’Għawdex ilha għaddejja minn Ġunju li għadda, fejn matul Ġunju u Lulju saru 10 serqiet minn djar privati, minn fejn insterqu eluf ta’ ewro u ġojellerija. Tnejn mid-djar ma kinux jgħixu nies fihom. Matul din is-sena s’issa kien hemm 14-il serqa ta’ dan it-tip f’Għawdex.

  • Fl-24 ta’ Lulju, fid-dawl tax-xemx insterqu flus u deheb antik minn dar ta’ anzjan fir-Rabat. Il-każ seħħ għall-ħabta tat-8am fi Triq Monsinjur Luigi Vella.
  • F’Lulju wkoll insterqu mas-€60,000 minn dar fix-Xewkija, li għat-tieni darba fl-istess xahar sfat fil-mira ta’ sgass ieħor.
  • Insterqu €25,000 minn dar fir-Rabat u ammont ta’ flus minn dar fix-Xagħra u oħra fin-Nadur.

Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, fis-27 ta’ Lulju li għadda, il-Pulizija kienet qalet li hemm għaddejjin żewġ inkjesti Maġisterjali dwar każi ta’ serq li seħħew f’Lulju fix-Xewkija u fir-Rabat.

L-investigazzjoni konġunta mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali f’Malta u f’Għawdex, immexxija mill-Ispettur Josef Gauci, għadha għaddejja.