Sadeen tingħata liċenzja ta’ sena bħala istituzzjoni għal edukazzjoni ogħla

Il-Kunsill Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla ħareġ liċenzja ta’ sena lil Sadeen Education Investment Ltd biex il-kumpanija tibda taħdem bħala Higher Education Institution bl-isem American Institute of Malta.
Kien il-kunsill stess li spjega dan, fi stqarrija li matulha qal li l-applikant għadu intiż li jikseb liċenzja ta’ università taħt l-isem American University of Malta u li l-kunsill se jkompli jevalwaha.
Il-kunsill spjega wkoll li l-liċenzja ta’ istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla hi l-ewwel pass biex jiġi stabbilit status ta’ università, li din irid ikollha mill-inqas kors wieħed f’livell 5 jew ogħla u li l-kunsill approva tliet korsijiet li se jingħataw minn din l-istituzzjoni u li jkunu ta’ livell 6.
Qal ukoll li bħalissa għaddej skrutinju fuq il-kap tal-istituzzjoni u fuq l-għalliema tal-korsijiet akkreditati, waqt li saħaq li l-liċenzja mogħtija minnu hi kompletament separata u indipendenti mill-għażla tas-sit għall-università.
Spjega wkoll li bil-liċenzja ta’ sena, il-kumpanija tista’ tibda toffri korsijiet akkreditati minn bini adegwat li jkollu l-permessi tal-MEPA. 
Reazzjoni Ministeru għall-Edukazzjoni
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni fi stqarrija qal li l-Università Amerikana kienet, għadha u tibqa’ l-proġett aħħari ta’ dan l-investiment minn Sadeen.
Il-Ministeru qal li biex ħadet l-istat ta’ higher education, din l-istituzzjoni għaddiet minn proċess indipendenti u rigoruż ta’ skrutinju fuq il-kwalità ta’ edukazzjoni li lesta toffri.
Intqal li b’mod parallel mal-ħruġ ta’ din il-liċenzja se jkompli l-proċess biex tieħu l-liċenzja ta’ università.
Reazzjoni Forum Żgħażagħ Laburisti
Il-FŻL laqa' b'sodisfazzjon il-fatt li nħarġet din il-liċenzja u sostna li dan hu biss l-ewwel pass biex il-pajjiż ikollu t-tieni università tiegħu. Iddeskriva dan il-proġett bħala investiment barrani li hu parti minn ħolqa ta' investimenti oħra li l-Gvern irnexxielu jattira lejn Malta, fosthom l-Università Medika Barts li se taħdem f'Għawdex. Spjega li anke dan l-investiment se jkompli jgħin biex tiżdied id-diversifikazzjoni fl-għażla ta' istituzzjonijiet edukattivi ta' livell terzjarju.
Reazzjoni Partit Nazzjonalista
L-Oppożizzjoni kkundannat dak li sejħet bħala l-ingann tal-Prim Ministru, li rrefera għall-istituzzjoni edukattiva bħala università meta mhix, u qalet li tistenna li l-Gvern jieqaf jigdeb u jinsulta l-intelliġenza tan-nies. Il-PN qal li l-Oppożizzjoni għadha qed tistenna lill-istess kummissjoni tiddikjara x'passi se tieħu kontra l-entità li rreklamat lilha nnifisha bħala università bla ma qatt kienet. Saħaq li jekk ma tieħux passi, tkun qed tonqos milli tħares l-istandards edukattivi fil-pajjiż għax ikun ifisser li kulħadd jistà jagħmel li jrid anki fil-kamp edukattiv.