Saċerdoti tradizzjonalisti fi triqthom lura biex jingħaqdu mill-ġdid mal-Knisja

Il-Papa Franġisku ta permess lil grupp ta’ saċerdoti tradizzjonalisti tas-Soċjeta’ ta’ San Piju X biex jiċċelebraw żwiġijiet li jkunu validi għall-Knisja. Dan il-grupp kien meqjus bħala “kanonikament irregolari”.
Il-Kongregazzjoni għad-Dutrina tal-Fidi, f’digriet approvat mill-Papa qalet li s-saċerdoti tal-imsemmija soċjeta’ jistgħu jagħmlu żwiġijiet liturġiċi basta jkunu akkumpanjati minn qassis tad-djoċesi fejn ikun ċelebrat iż-żwieġ, li jservi bħala xhud għall-wegħdi tal-miżżewġin. Iżda jekk fid-djoċesi partikolari ma jkunx hemm saċerdot li jista’ jattendi għaż-żwieġ, membru tas-Soċjeta’ San Piju X jista’ jmexxi ċ-ċerimonja waħdu.
Dan hu pass fit-triq tar-rikonċiljazzjoni bejn il-Knisja u din is-soċjeta’ li twaqqfet meta l-Arċisof missjunarju Franċiż Marcel Lefebvre kien ħareġ mill-Knisja Kattolika bi protesta kontra r-riformi introdotti mill-Konċilju Vatikan II. Ix-xiżma kienet seħħet meta Lefebvre, mingħajr l-approvazzjoni tal-Vatikan, kien ordna erba’ Isqfijiet.
Illum dan il-grupp, li għadu jiċċelebra s-sagramenti bir-riti l-antiki ta’ qabel il-Konċilju Vatikan II, jinsab f’dak li hu meqjus bħala “limbu kanoniku”. Għalkemm Lefebvre kien ġie skomunikat, l-ordinazzjoni tal-erba’ isqfijiet kienet waħda valida għax sa dakinhar hu kien għadu isqof leġittimu u rikonoxxut mill-Knisja.
Il-quddies kollu ċelebrat mis-saċerdoti ta’ din is-soċjeta’ huwa “validu imma illeċitu” filwaqt li l-qrar u ż-żwiġijiet kienu meqjusa invalidi għax il-qassisin fil-grupp ma kienux awtorizzati jamministraw dawn is-sagramenti.
Xi ftit taż-żmien ilu, il-Papa Franġisku kien ikkonċeda lil dawn is-saċerdoti li jibdew jamministraw is-sagrament tal-Qrar u issa anke iż-Żwieġ u dawn ikunu validi.  Il-Papa Benedittu XVI kien neħħa l-iskomunika fuq l-erba’ isqfijiet ordnati minn Lefebvre.  Il-Papa preżenti għen lil din is-soċjeta’ b’mod finanzjarju biex tixtri proprjeta f’Ruma fejn tista’ jkollha l-kwartieri tagħha.
Sorsi qrib il-Vatikan qalu li l-Papa Franġisku jista’ joffri lil din is-soċjeta’ prelatura personali tiegħu biex huma jkunu jistgħu jirrappurtaw direttament lilu kif inhi is-sitwazzjoni tal-grupp magħruf bħala Opus Dei.