Saċerdoti Pollakki jipparteċipaw f’konkors ta’ skijar f’ġieħ il-Papa San Ġwanni Pawlu II

Is-saċerdoti huma l-parteċipanti ewlenin f’konkors annwali ta’skijar li jsir fil-Polonja. Ir-rebbieħ tal-konkors jingħata t-Tazza Ġwanni Pawlu II.
Din is-sena l-konkors se jkun qed jinżamm għall-21 darba.
Il-Papa San Ġwanni Pawlu II, Pollakk bl-isem ta’ Karol Jozef Wojtyla, kien dilettant kbir u jipprattika dan l-isport, l-aktar fiż-żmien li kien għadu jservi bħala kappillan f’pajjiżu.
L-Aġenzija tal-Aħbarijiet Kattoliċi ilha tirrapporta dwar din il-kompetizzjoni mill-2011 li uffiċjalment hi magħrufa bħala “Alpine Skiing Championship for Polish Priests and Seminarians”.
Is-saċerdoti parteċipanti jinqasmu f’erba’ gruppi skont l-età u jkun hemm taqsima oħra għas-seminaristi.
L-ewwel jagħmlu ċerimonja lebsin is-suttana u mbagħad ixiddu lbies atletiku u jikkompetu fi slalom ta’ 800 metru tul.
Jingħad li l-Papa San Ġwanni Pawlu II meta kien għadu kardinal, saċerdot staqsih jekk kienx skandaluż li kardinal imur jiskija u hu bi tbissima wieġbu li ma kienx skandlu jekk il-kardinal ikun jaf jiskija.
Meta kien kappillan u anke meta kien Arċisqof ta’ Krakow, Wojtyla kien imexxi gruppi ta’ żgħażagħ għal irtiri ta’ mixi fil-kampanja u waqt l-okkupazzjoni Komunista ta’ pajjiżu dawn l-irtiri kienu kruċjali biex jagħmel katekeżi liż-żgħżagħ bla ma jagħtu f’għajn liil-Gvern Komunista.
Meta fl-1984 meta kellem lill-atleti Ewropej wara l-Logħob Olimpiku, il-Papa Ġwanni Pawlu II kien qalilhom: “Il-professjoni tagħkom bħala atleti toffrilkom l-opportunità li titjiebu anke spiritwalment. Intom spiss tkunu msejħa tikkompetu qalb in-natura, fis-sbuħija tal-muntanji, il-baħar, l-għelieqi fejn tistgħu tapprezzaw l-affarijiet sempliċi u timmeditaw fuq il-valuri li huma l-bażi tal-ħajja umana.
L-awtodixxiplina tal-atleta tista’ tkun applikata wkoll għall-ħajja spiritwali. L-isport hu virtù li hu f’armonija sħiħa mal-ispirtu Kristjan għax jitlob sagrifiċċju, umiltà, caħda u kontroll, u dawn huma affarijiet li jogħġbu lil Alla li minnu jiddependi kollox, u allura jagħtikom it-talenti fiżiċi u intelletwali li għandkom bżonn”.