Saċerdoti fiċ-Ċina tkeċċew għax għamlu kamp tas-sajf għaż-żgħażagħ

Waħda mill-knejjes fiċ-Ċina li mhux rikonoxxuti uffiċjalment mill-Gvern

Żewġ saċerdoti tal-knisja klandestina fil-provinċja ta’ Gansu, fiċ-Ċina tkeċċew wara li kienu akkużati li organizzaw kamp tas-sajf għal grupp ta’ żgħażagħ fil-knisja tagħhom.

Fr Wang Yiqin u Fr Li Shidong kienu jaħdmu fil-Knisja ta’ Maijiqu Ganquan fid-djoċesi ta’ Tianshui.

Il-Kumitat Muniċipali għall-Affarijiet Etniċi u Reliġjużi ta’ Tianshui bagħat ittra lill-fergħa lokali taċ-Chinese Catholic Patriotic Association li hi kontrollata mill-Gvern, biex jibgħat nies flok dawn iż-żewġ qassisin li kienu akkużati li organizzaw kamp tas-Sajf għaż-żgħażagħ tal-Grupp Don Bosco fil-knisja tagħhom.

Fil-21 ta’ Lulju li għadda, il-Kumitat kien ħareġ ittra li fiha ddikjara li ħadd mill-membri tal-assoċjazzjoni ma kellhom x’jaqsmu ma’ din il-Knisja.

Il-Kumitat talab lill-Assoċjazzjoni biex taħtar nies biex “issaħħaħ it-tmexxija tal-affarijiet reliġjużi skont il-liġi u skont ir-regolamenti tal-affarijiet reliġjużi.”

Fr Zhao Jianzhang tal-knisja uffiċjali ta’ Transhui hu d-deputat direttur u segretarju ġenerali tal-Catholic Patriotic Association u tal-Kummissjoni tal-Amministrazzjoni Kattolika ta’ Gansu. Qal li kien infurmat bl-inċident u l-uffiċċju parrokkjali rċieva ittra, imma kien imsiefer u kif jirritorna jara x’għandu jsir.

“Fil-Gvern hemm nies li jridu jkissru s-sitwazzjoni attwali. Ma jridux il-knisja klandestina teżisti u jridu jikkonvertuha fi knisja uffiċjali għax Tianshui biss fit-Tramuntana taċ-Ċina għad għandu knisja klandestina,” qal osservatur.

Il-Knisja ta’ Maijiqu Ganguan hi waħda minn żewġ knejjes klandestini fid-djoċesi ta’ Tianshui. Kienet inbniet fl-1921 u kien approvata mill-gvern distrettwali ta’ Yuanbeidao.