Saċerdoti Afrikani qed “jisparixxu” fl-Ewropa

L-Isqof Ignace Bessi Dogbo ta' Katiola

Meta Fr Joseph Longo mill-Kongo, wasal fi franza fl-2003, l-idea tiegħu kienet li jagħmel ftit xhur sakemm ilesti Dottorat fil-Filosofija. Illum, wara li mexxa parroċċi kbar fi djoċesijiet differenti fi Franza sar wieħed mill-ħafna saċerdoti Afrikani li qed jgħinu lil-Knisja fi Franza.

M’hix sorpriżi li Fr Longo kien imħajjar jibqa’ fi Franza fejn fl-aħħar 50 sena in-numru ta’ saċerdoti naqas bi tliet kwarti. Hu wieħed minn madwar 1,800 saċerdot barranin li qed jagħtu servizz fi Franza. Is-saċerdoti barranin jammontaw għal 1 minn 5 tan-numru ta’ saċerdoti djoċesani fil-pajjiż li jammontaw għal 11,500.

F’Mejju li għadda, l-Konferenza Episkopali tal-Kosta tal-Avorju lmentat li aktar qassisin qed “jisparixxu” fl-Ewropa u qed jinjoraw struzzjonijiet tal-Isqfijiet tagħhom biex jirritornaw wara li jtemmu l-istudji jew  il-ħidma pastorali tagħhom.

“Is-sitwazzjoni qed tiggrava u hemm bżonn nitkellmu u nieħdu pożizzjoni komuni biex id-djoċesijiet li qed jilqgħu saċerdoti Afrikani jifhmu l-pożizzjoni tagħna”, qak l-Isqof Ignace Bessi Dogbo, President tal-Konferenza Episkopali ta’ Katiola.

“Meta qassis imur fuq missjoni, l-Isqof li stiednu irid jassigura li dan verament ikun intbagħat mid-djoċesi tiegħu. Jekk irridu naħdmu flimkien għall-evanġeliżazzjoni tal-pajjiżi rispettivi tagħna, irridu nirrispettaw id-drittijiet ta’ xulxin.”

L-Isqof Dogbo qal li ma kienx ċert kemm mill-kleru tal-Kosta tal-Avorju sparixxew. Imma xi djoċesijiet għandhom sa terz mis-saċerdoti tagħhom nieqsa għax ġiebu xi skuża biex ma jirritornawx lejn pajjiżhom.

Uħud mill-mexxejja tal-Knisja fl-Ewropa jifhmu dan it-tħassib għax hemm qassisin li qed jirreżistu li jirritornaw lejn pajjiżhom u jġibu r-raġunijiet ta’ studju, problemi personali f’pajjiżhom jew ansjeta politika.

“Huma x’inhuma ċ-ċirkostanzi, li saċerdot ma jirritornax  lejn id-djoċesi tiegħu jagħmel ħsara r-relazzjoni fundamentali tiegħu mad-djoċesi u l-Isqof tiegħu. Jekk dan ma jsirx bi pjan u b’ubbidjenza, għandu jkun kundannat”, insista l-Isqof Dogbo.