Saċerdot u katekista fl-Indja akkużati li sfurzaw konverżjoni

Dimostranti jipprotestaw barra l-Kattidral tal-Qalb ta’ Ġesù fi New Delhi kontra d-diskriminazzjoni mal-insara. (Credit: Anindito Mukherjee/Reuters via CNS.)

Il-Pulizija fl-Indja, nhar il-Ġimgħa li għadda, arrestaw saċerdot u katekist u akkużawhom li sfurzaw konverżjoni fuq xi ħadd  u li kienu qed jokkupaw biċċa art b’mod illegali.

Father Benoy John u Munna Hansda jaħdmu fil-missjoni tad-Djoċesi ta’ Bhagalpur fl-istat ta’ Bihar. Huma kienu arrestati f’Jharkhand li hi fil-konfini tal-istess djoċesi. Qassis ieħor, Fr. Arun Vincent, akkumpanjahom meta ttieħdu l-għassa iżda hu ma kienx arrestat formalment u tħalla jitlaq ftit wara.

Il-pulizija qalu li aġixxew wara li rċivew rapport minn resident fir-raħal li akkuża lill-qassis li kien qed juża pressjoni kontinwa fuq nies tal-lokal biex jikkonvertu għall-fidi nisranija.

“It-tmexxija attwali ta’ Jharkhand hi ostili ħafna għall-missjunarji nsara u s-servizzi li jipprovdu spiss jisfaw fil-mira tal-amministrazzjoni u l-insara jispiċċaw attakkati”, qal Fr Alphonse Francis, l-ex Vigarju Ġenerali tad-djoċesi.

Akkużi fabbrikati

Hu qal lill-aġenzija CRUX, li l-akkużi kontra Fr Benoy u l-katekista huma fabbrikati u fihom ma hemm ebda verità.

L-insara fl-istat ta’ Jharkhand  qed jiffaċċja tfixkil kbir wara li żewġ nisa affiljati mal-Missjunarji tal-Karità – is-sorijiet ta’ Santa Madre Tereża ta’ Calcutta, kienu arrestati u akkużati li ppruvaw ibiegħu tarbija minn xelter ta’ ommijiet mhux miżżewġa.

Din l-allegazzjoni ta’ bejgħ ta’ tarbija kienet kritikata ħafna min-nazzjonalisti Hindu fuq il-ħidma tal-gruppi nsara fil-pajjiż għax jgħidu lidin il-ħidma karitatevoli ssir bi skop ta’ konverżjonijiet.

L-istat ta’ Jharkhand hu mmexxi mill-Partit Janata li hu affiljati mal-Hindu u bħalissa hu fil-Gvern fl-Indja kollha.

Propaganda falza

L-insara huma 4.3% tal-popolazzjoni f’Jharkhand, kważi d-doppju tal-medja nazzjonali. Ħafna minnhom huma membri tal-komunità tribali emarġinata, li huma speċi ta’ aboriġini tal-Indja li jgħixu barra mis-sistema tal-caste.

“Jharkhand qed tatakka l-missjoni Kristjana. Il-maġġoranza tal-komunità tagħmel propaganda falza biex tagħmel ħsara lis-servizzi tas-saħħa, wens u edukattivi li joffru l-insara u jakkużawhom falsament li l-iskop tagħhom hu li jikkonvertu n-nies”, qal il-President tal-Kunsill Globali tal-Insara Indjani lill-Asia News li hi aġenzija tal-aħbarijiet Kattolika.

Hu qal li d-djoċesi għandha poarroċċa f’Rajdaha li ilha aktar minn tliet snin kif ukoll ċentru tal-iritiri.  Spjega li din hi kwestjoni dwar l-art. L-art kienet offruta lill-Knisja għax skont il-liġi art tribali ma tistax tkun trasferita jew mibjugħa lil xi ħadd li mhux membru tat-tribu. Dan il-most tal-missjoni ma kellu ebda ħitan idawwruh imma kien imdawwar bil-‘barbed wire’.

“Nixtieq inkun naf x’wassal għal dan l-arrest?”, staqsa l-President tal-Kunsill tal-Insara Indjani “għax qabel dan l-inċident qatt ma kellna kwestjonijiet mal-komunità. Iċ-ċentru tal-irtiri tagħna jintuża wkoll għal-laqgħat tal-komunità lokali u għaqdiet ta’ kull twemmin, attivitajiet minn gruppi tan-nisa u attivitajiet għat-tfal.”

Il-komunità nisranija fl-inħawi kkundannat bil-qawwa kollha dawn l-arresti. Attvista favur id-drittijiet umani qal lill-aġenzija FIDES li dan l-inċident jirrifletti problema akbar fil-pajjiż fejn jidħlu l-insara.