Fit-triq tal-qdusija s-saċerdot u d-djakni li nqatlu f’Mosul

Il-Vatikan ta permess biex tinfetaħ kawża għall-qdusija ta’ saċerdot Iraqi u tliet djakni li nqatlu minn nies armati f’Mosul.
Il-Kongregazzjoni għall-Kawża tal-Qaddisin ippermettiet lill-Isqof djoċesan ta’ Mosul biex jiftaħ investigazzjoni fil-lokalità, dwar il-qdusija tal-kandidati.
L-Aġenzija tal-Aħbarijiet kattolika FIDES qalet li minħabba d-diffikultajiet li tinsab fihom il-Knisja f’Mosul, il-proċess meħtieġ se jitmexxa minn dawk responsabbli għall-parroċċa ta’ San Tumas Appostlu li tinsab f’Detroit, l-Istati Uniti.
Fr Ragheed Aziz Ganni, il-kuġin tiegħu d-djaknu Basman Yousef Daud, u d-djakni Wahid Hanna Isho u Gassan Isam Bidawed inqatlu fit-3 ta’ Ġunju 2007 quddiem il-Knisja tal-Ispirtu s-Santu f’Mosul wara li l-qassis kien għadu kif temm jiċċelebra l-quddiesa tal-Pentekoste. It-tliet djakni kienu qed jakkumpanjawh minħabba t-theddid kontinwu li kien qed ikollu mill-militanti.
Skont il-ġurnali ta’ dak iż-żmien, irġiel armati sparaw fuq Fr Ganni u t-tliet djakni u wara li qatluhom imlew il-karozza li kienu fiha bl-isplussivi biex ħadd ma jkun jista’ jmur jirkupra l-katavri tagħhom.
Fr Ganni twieled f’Mosul fl-1972 u wara li ggradwa fl-Inġinerija studja t-teoloġija f’Ruma fl-Angelicum, l-Università Pontifiċja ta’ San Tumas t’Aquino mnejn kiseb liċenzja fit-teoloġija ekumenika.