Saċerdot mill-Kongo maqtul f’Berlin

Nhar il-Ġimgħa li għadda, l-Arċisqof Heiner Koch ta’ Berlin iċċelebra quddiesa b’sufraġju għal Fr. Alain-Florent Gandoulou, Kap tal-Ministeru għall-Kattoliċi ta’ lingwa Franċiża fl-arċidjoċesi ta’ Berlin, li nqatel fl-uffiċċju tiegħu fit-22 ta’ Frar li għadda.
L-Arċisqof Koch qal li Fr Gandoulou, li twieled fil-Kongo, kien jaħdem bil-qalb mal-komunità li l-membri tagħha kienu ġejjin minn kull pajjiż fid-dinja fejn hu mitkellem il-Franċiż.
“It-talenti mużikali tiegħu li kienu jużaw waqt il-quddies u preżentazzjonijiet oħra li kien jagħmel fil-knisja kienu ta’ ġid kbir għall-komunità. Għall-Insara kien qisu missier u kien disponibbli għan-nies mhux biss fuq affarijiet tal-Knisja imma anke fuq materji soċjali”.
L-Arċisqof iddeskriva lis-saċerdot maqtul bħala katekista dinamiku li kien jgħallem u jgħin nies ta’ kull età biex jibnu l-fidi tagħhom. Barra x-xogħol fil-parroċċa, sa mill-2011 ħadem bħala konsulent għall-parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesu tad-djoċesi ta’ Berlin.
Fit-2 ta’ Marzu saret il-quddiesa tal-funeral ta’ dan is-saċerdot li fih l-Arċisqof Koch talab ukoll għal min qatlu. Wara, il-katavru tiegħu intbagħat lura f’pajjiżu biex ikun midfun fl-Arċidjoċesi ta’ Brazzaville, fil-Kongo.
Fit-22 ta’ Frar li għadda  tard filgħaxija, l-Pulizija kellhom telefonata anonima li fl-uffiċċju ta’ Fr. Gandoulou kien hemm ħafna storbju. Meta marru fuq il-post sabu li s-saċerdot kien qed isofri minn feriti fatali wara li safa msawwat b’oġġetti ebsin, u f’rasu qala’ daqqiet bil-ponta ta’ umbrella li nstabet fil-post imċappsa bid-demm tiegħu.
Raġel ta’ 26 sena mill-Kamerun kien arrestat ftit wara b’konnessjoni ma’ dan il-qtil u qed jinżamm fi sptar psikjatriku. 
Il-Pulizija ma xandritx l-isem tal-persuna arrestata u anqas għadu ma kien stabbilit il-motiv għal dan il-qtil.