Saċerdot maqtul minn klikka kriminali f’El Salvador

Fr Cecilio Perez Cruz jassisti marida ftit jiem qabel inqatel

Father Cecilio Perez Cruz, saċerdot ta’ 38 sena nqatel wara li membri ta’ klikka kriminali sparaw fuqu waqt li kien rieqed fid-dar parrokkjali f’El Salvador nhar is-Sibt bil-lejl.

Fi stqarrija l-Gvern qal li l-qassis irrifjuta li jħallas “protection money” lill-klikka kriminali magħrufa li topera fil-pajjiż. Il-Gvern ħabbar miżuri ġodda biex jiġġieled il-kriminalità organizzata li kulma jmur qed terfa’ rasha f’Managua.

3 feriti ta’ arma tan-nar

Father Perez kien il-Kappillan tal-parroċċa dedikata lil San Josè la Majada fid-djoċesi ta’ Sosonate qrib il-fruntiera mal-Guatemala.

Il-ġisem tiegħu bi tliet feriti kbar minn tiri ta’ arma tan-nar, instab f’kamartu minn grupp ta’ nsara li kellhom jiltaqgħu miegħu fil-5 ta’ filgħodu biex jitolbu flimkien. Ħdejn il-katavru tiegħu nstabet nota bil-miktub li kienet tgħid: “Dan ma ħallasx il-kera” u ffirmata mill-gang Mara Salvatrucha.

L-isqof ta’ Sonsonate, Mons.Constantino Barrera, li appella għat-talb b’suffraġju ta’ Fr Perez, esprima s-sogħba tiegħu u faħħar ix-xogħol li dan is-saċerdot kien qed jagħmel mal-parruċċani tiegħu li kien qrib ħafna tagħhom.

Ir-risposta tal-Gvern

Il-Gvern ta’ El Salvador filwaqt li kkundanna dan il-qtil, offra l-kondoljanzi tiegħu lill-familja tas-saċerdot maqtul u lill-komunità lokali.

Fi stqarrija l-Gvern qal li ħareġ ordnijiet ġodda lill-forzi tas-sigurtà biex jassiguraw li l-qattiela tas-saċerdot jinqabdu u jitressqu quddiem il-ġustizzja.

El Salvador hu wieħed mill-aktar pajjiżi vjolenti fid-dinja. Is-sena li għaddiet, ir-rata ta’ qtil f’dan il-pajjiż tal-Amerika Ċentrali kienet ta’ aktar minn 50 omiċidju għal kull 100,000 abitant jew medja ta’ aktar minn disa’ delitti kuljum.