Saċerdot maqtul fil-Filippini mfakkar għall-imħabba għall-fqar

Father Mark Anthony Ventura jitħallat mal-parruċċani wara l-quddies

Erba’ xhur wara l-qtil ta’ Fr Mark Anthony Yuaga Ventura fid-djoċesi ta’ Tuguegarao fil-Filippini, il-kappella u l-kunvent fuq l-għolja fil-villaġġ ta’ Mabuno għadhom vojta u mingħajr saċerdot.

Fr Mark Anthony għażel li jkun mal-foqra u jgħix magħhom fil-periferija u hemm inqatel waqt il-qadi ta’ dmiru – li jkun ragħaj għall-merħla t’Alla. Hu kien laqa’ l-isfida li jservi f’waħda mill-aktar parroċċi mbiegħda fit-tramunana tal-Filipppini u biex għamel dan ħalla l-kumdita ta’ rettur ta’ seminrju, mhux biex jibda avventura imma biex ikun ħaġa waħda man-nies, partikolarment mal-bdiewa.

Dan is-saċerdot ta’ 37 sena inqatel min-nies armati fid-29 ta’ April li għadda u l-ġisem tiegħu nstab fit-triq fost komunità ta’ nsara foqra li kienu bil-ġuħ spiritwali u ekonomiku.

Fl-2014 mexxa grupp taż ħames missjunarji biex jaħdmu mal-foqra u ma’ nies minn diversi tribujiet f’Tanglagan. Hemmhekk wera l-ħiliet tiegħu ta’ mexxej li kkontribwew biex il-komunitajiet insara kibru. “Hu wera lill-foqra li l-Knisja kienet solidali magħhom u kien jippriedka l-ugwaljanza”, qal wieħed minn sħabu l-missjunarji.

Meta fl-2015 Fr. Ventura u sħabu, inbniet kappella li nżebgħat abjad u blu fejn in-nies tal-post setgħu jitolbu regolarmanet.

Fl-2016, is-saċerdot żagħżugħ intbagħat fil-villaġġ a’ Mabuno fil-parroċċa ta’ Sann Isidro fejn kellu jieħu ħsieb ħames komunitajiet tribali ta’ bdiewa. L-Arċisqof Sergio Utleg ta’ Tuguegarao qal li Fr. Mark Anthony kien talab biex imur jaħdem f’dan il-post.

Hemmhekk bena kappella żgħira u kunvent fuq daqsxejn ta’ għolja u daħal b’ruħu u ġismu għall-ħajja fil-komunità. Kmieni filgħodu, kien joħroġ fuq l-għolja ixejjer lin-nies li jkunu sejrin għax-xogħol.  Mara mill-villaġġ qalet li ħafna drabi l-qassis kien jingħaqad mal-bdiewa fl-għelieqi, jiekol u jiċċajta magħhom.

Oħtu Mae, tiddeskrivi s-saċerdot bħala “tifel gustuż” li kien isejjaħ lil kulħadd ‘ziju’ jew ‘zija’. “Kien tifel tar-raħal. Kien iħobb lin-nies l-aktar lil dawk fil-komunitajiet tal-missjoni tiegħu. Kien jgħidilna li l-Knisja trid toħroġ u ssevi lill-foqra. Kien hemm drabi fejn ma kienx jattendi għal xi laqgħa tal-familja anke f’okkażżjonijiet speċjali għax “ried ikun man-nies għax il-komunità saret il-familja tiegħu.”

Fil-jum li nqatel Fr Ventura kien telaq mid-dwejra tiegħu fis-6.00 a.m. biex imur iqaddes f’erba villaġġi differenti. Siegħa wara kien fil-villaġġ ta Pena Weste fejn iċċelebra ‘l quddiesa għal madwar 100 persuna.  Kien qed jipprepara biex jgħammed numru ta’ tfal iżda waqt li kien qed ikellem lill-membri tal-kor tal-parroċċa resqu fuqu nies armati, sparawlu f’rasu u qatluh.