Saċerdot Malti jinħatar Sotto-Segretarju tas-Santa Sede għar-Relazzjonijiet bejn l-Istati

Il-Papa Benedittu XVI ħatar lis-saċerdot Malti, Monsinjur Antoine Camilleri bħala Sotto-Segretarju tas-Santa Sede għar-Relazzjonijiet bejn l-Istati. F’dan ir-rwol Mons Camilleri jgħin u jieħu post kif meħtieġ is-Segretarju tal-Vatikan għar-Relazzjonijiet bejn l-Istati fir-rwol tiegħu bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin tas-Santa Sede.

Il-ħidma tinvolvi r-relazzjonijiet kollha tas-Santa Sede mal-komunita’ internazzjonali u l-gvernijiet ċivili kif ukoll il-promozzjoni tal-ġid tal-Knisja u s-soċjeta’ madwar id-dinja. Dan isir permezz tal-kuntatti diplomatiċi kif ukoll ftehim bejn il-pajjiżi u l-Vatikan.

Monsinjur Antoine Camilleri huwa mill-Parroċċa ta’ Stella Maris f’Tas-Sliema u għandu 48 sena.

Gradwa fil-Liġi mill-Universita’ ta’ Malta fl-1988 u ġie ordnat qassis fl-1991. Serva bħala viċi-kappillan fil-Ġżira. Fl-1992, kompla bl-istudji tiegħu f’Ruma u fl-1992 wasal lura Malta fejn serva fit-Tribunal Ekkleżjastiku.

Huwa ingħaqad mas-servizz diplomatiku tas-Santa Sede f’Jannar tal-1999. Huwa serva f’bosta Nunzji Appostoliċi – Papua New Guinea u Solomon Islands (1999-2002), Uganda (2002-05) u Kuba (2005-06)

Mill-2006 huwa ħadem fis-Segretarjat tal-Istat tal-Vatikan bħala Uffiċjal fis-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet mal-Istati. Kien ukoll Segretarju Privat tal-Arċisqof Dominique Mamberti, is-Segretarju tas-Santa Sede għar-Relazzjonijiet mal-Istati.