“Saċerdot ma jistax jgħix ħajja doppja” – L-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal lis-seminaristi Għawdxin li jekk iridu jirċievu l-formazzjoni biex ikunu saċerdoti denji, ma jista’ jkun hemm fihom ebda għamla ta’ qerq, falzità, ambigwità jew ħajja doppja.
Monsinjur Grech qal dan waqt quddiesa fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex fil-ftuħ tas-sena akkademika.
Ikkwota mir-rakkont tas-sejħa ta’ Natanjel u qal li dan jgħodd ukoll għas-saċerdoti.
“Jekk xi ħadd minna jkun falz, is-snin tal-formazzjoni – kemm dik inizjali u kemm dik permanenti – ma jiswew għal xejn,” qal Monsinjur Grech. “Għal min fih hemm il-qerq, il-formazzjoni tkun qisha ilma nieżel fuq dahar ta’ papra.”
Fil-messaġġ tiegħu lis-seminaristi, Monsinjur Grech saħaq li min mhux trasparenti jkun qed jagħmel suwiċidju kemm għax ma jkunx jaf lilu nnifsu u anke għax qatt mhu se jsib postu fil-ministeru tiegħu. 
“Min hu faċċol, jidħak mhux biss bir-Rettur, bil-Prefett tal-Istudji, bid-Direttur Spiritwali, imma jidħak ukoll bil-Knisja. Din hija responsabbiltà gravi ħafna,” saħaq Monsinjur Grech.
L-istess jgħodd għas-sinċerità, komla jgħid Monsinjur Grech. “Min mhux sinċier, diffiċli jibni relazzjonijiet mal-oħrajn. “Il-giddieb għomru qasir, u ladarba wieħed jitlef il-kredibbiltà, mhux lakemm jerġa’ jakkwistaha.”
Wera x-xewqa li fuq is-saċerdoti, in-nies tgħid dak li Ġesù qal dwar Natanjel: “Fihom ma hemm ebda qerq!”
Spjega li tant kemm il-falzità hi serja li ħafna drabi, persuna li jkollha għalik, takkużak li int falz.
“Jien inweġġa’ ħafna meta xi ħadd jissuspetta mis-sinċerità u l-korrettezza tiegħi,” qal Monsinjur Grech. “Mhux qed ngħid li jien perfett, imma għalija l-onestà hija valur mhux negozjabbli.”
Ir-riflessjoni kienet xi ftit iebsa, imma Monsinjur Grech saħaq li għamel dan għax irid il-ġid lis-seminaristi.
“La rridkom taħlu ż-żmien tagħkom u lanqas tgħaddu biż-żmien lil ħadd. Għax jekk fis-snin tas-Seminarju ċċedu li tgħixu ħajja doppja, il-probabbiltà hi li tibqgħu hekk anki fis-saċerdozju, u dan ma jawgura tajjeb għal ħadd,” temm jgħid l-Isqof.