Saċerdot li jaħdem mal-baħħara se jkun onorat mir-Reġina

Djaknu Kattoliku li jaħdem mal-baħħara u li x-xogħol tiegħu inkluda drabi fejn salva vittmi ta’ traffikar uman minn fuq dgħajjes li kienu qed ibaħħru fin-Nofsinhar tal-Ingilterra, kien inkluż fil-lista ta’ persuni li jkunu onorati kull sena mir-Reġina, bħala rikonoxximent għall-ħidma tiegħu.
Ir-Reveredu Roger Stone, Kappillan tal-port li jagħti servizz lill-membri ta’ ekwipaġġi li jżuru l-port  bħla parti mill-ħidma tal-Appostolat tal-Baħar, ingħata l-Midalja tal-Imperu Ingliż għall-ħidma li għamlet “differenza sinjifikanti”  fuq livell lokali.
Fr Stone għadda Jum il-Milied iqassam rigali miġbura mill-parruċċani tiegħu lil membri ta’ ekwipaġġi fuq bastimenti fil-port ta’ Southampton, li wħud minnhom ilhom xhur sħaħ ma jarawx lill-familji tagħhom. 
Hu qal li kien onorat b’dan il-premju.
“Bqajt assolutament issummat u qabżitli demgħa minn għajnejja”, qal Fr Stone. Qal li kien kuntent ħafna li wara li ismu deher fil-Lista tal-Unuri, irċieva awguri minn baħħara madwar id-dinja li xi darba ltaqgħu miegħu.
Wieħed mill-messaġġi li rċieva fuq Facebook kien jgħid: "Awguri. Jistħoqqlok. Għan-nom tiegħi u sħabi baħħara Filippini nirringrazzjawk ħafna ta’ kollox. Is-sena t-tajba Fr Roger”.
Meta tkellem dwar is-seba’ snin li ilu kappillan tal-port, Fr Stone qal li kien iħossu privileġġjat li jista’ jkun ta’ għajnuna. 
Fakkar li fl-2012 għen tliet baħrin Filippini li kienu qed jgħixu f’kundizzjoni ta’ skjavitù fuq dgħajsa. Wieħed minn dawn l-irġiel għex għal xi żmien miegħu sakemm irnexxielu jorganizza akkomodazzjoni temporanja għat-tlieta li huma li issa huma salvi u bl-għajnuna tal-qassis issa qed jaħdmu f’subborg qrib Londra.
Fr Stone qal li għadu jiftakar id-data u l-ħin eżatt ta’ meta’ ltaqa’ ma dawn in-nies għax din il-ġrajja baqgħet stampata f’moħħu u f’qalbu għax ra tliet persuni twajba ttrattati b’mod ħażin ħafna.
Id-Direttur Nazzjonali tal-Appostolat tal-Baħar, Martin Folley, qal li “l-Midalja tal-Imperu Ingliż hi rikonoxximent xieraq għax-xogħol ta’ Fr Roger u l-ministeru li jaqdi mal-baħħara. Din hi xiehda tal-appoġġ u l-assistenza vitali li l-Appostolat joffri lill-baħħara”.
Fr Stone, aktar tard din is-sena mistenni jattendi għaċ-ċerimonja tal-Għoti tal-Midalji li ssir fil-Palazz ta’ San Ġakbu. 
Fil-Lista tal-Unuri għal din is-sena hemm persunaġġi Kattoliċi oħra fosthom Mrs Maria Eves li hi fil-Bord tal-Gvernaturi ta’ żewġ skejjel Kattoliċi, u Mrs Frances Anne Hawkes, Headteacher ta’ Federazzjonii ta’ skejjel Kattoliċi.