Saċerdot imut għax ma twasslitlux mediċina fil-ħin

Dun Jose’ Luis Arismendi, saċerdot ta’ 35 sena, aktar kmieni dan ix-xahar miet fil-belt ta’ Merida, fil-Venezuela, għax mediċina li kellu bżonn urġenti ma twasslitlux fil-ħin minħabba s-sitwazzjoni li hemm fil-pajjiż.
Is-saċerdot kien ilu jumejn, fl-isptar ta’ Los Andes, jistenna din il-mediċina li kellu bżonn urġenti minħabba każ ta’ meningitis. Dun Jose’ ħassu ma jiflaħx f’Ħadd il-Palm u tliet ijiem wara iddaħħal l-isptar.  Il-qraba tiegħu fittxew il-mediċina meħtieġa fl-ispiżeriji tal-inħawi u ma sabux.
Il-Kardinal Baltazar Porras, Arċisqof ta’ Merida, irnexxielu jsib il-mediċina meħtieġa f’Caracas, iżda sakemm din waslet f’Merida, is-saċerdot laħaq miet. Fr Arismendi kien ilu sentejn jaħdem bħala missjunarju fid-djoċesi ta’ Cabimas.
L-opinjoni pubblika fil-Venezuela malli saret taf b’dan il-każ sostniet li “sfortunatament, Venezuelan ieħor miet minħabba nuqqas ta’ mediċina”. Fil-pajjiż bħalissa hemm sitwazzjoni serja ta’ nuqqas ta’ ikel u mediċina.
L-Organizazzjoni Human Rights Watch li qed tosserva monument qawwi ta’ persuni jitilqu minn djarhom u jersqu lejn il-fruntiera mal-Brażil, appellat lill-pajjiżi tal-Amerika t’Isfel biex jintervjenu mal-President Venezuelan Madura biex ifittex isolvi l-kriżi serja li hemm fil-pajjiż.