Saċerdot fil-Cameroon jikkundanna l-Armata għall-massakru ta’ 22 persuna

Nies mill-Cameroon li jgħixu f’diversi pajjiżi Ewropej inġabru f’Ġinevra biex jipprotestaw kontra l-preżenza tal-President Paul Biya (Credit: Martial Trezzini/Keystone via AP.)

Qassis Kattoliku qal li l-aħħar massakru li fih inqatlu mill-anqas 22 persuna fisfond ta’ ġlied kontinwu fiż-żoni tal-Cameroon fejn hi użata l-lingwa Ngliża, mhux aċċettabbli fis-seklu 21.

Persuni li jgħixu fl-inħawi qalu li l-militar wettaq dan il-qtil ta’ persuni innoċenti, filwaqt li l-Gvern qed jgħid li dawn l-imwiet kienu kawża ta’ aċċident meta waqt ġlieda ma’ separatisti, kien hemm ħażna ta’ fuel li ngħatat in-nar.

Mill-anqas, 14 mill-persuna mejta kienu tfal. Il-qassis, Fr. Esua Andrew Forka poġġa video fuq YouTube u sejjaħlu massakru.

Iżżejjed

“Issa żżejjed. Mhux aċċettabbli li fis-seklu 21, Gvern immexxi minn ċerti individwi jiddeċiedi li jelimina nies tiegħu stess.  Fl-14 ta’ dan ix-xahar, il-militar qatel trabi, ommijiet u saħansitra trabi mhux imwielda u ħarqulhom djarhom. Dan iżżejjed. Mhux aċċettabbli. Il-Komunità Internazzjonli għandha titkellem.  Issa mhux żmien il-paroli imma żmien l-azzjoni”, qal il-qassis.

“Il-vjolenza ġġib il-vjolenza. La l-Gvern qed juża metodi vjolenti biex isolvi l-problema tal-lingwa, l-istorja mhux se tieqaf illum għax ir-rabja li qed jiżirgħu fil-qlub tat-trabi, tfal u familji, mhux se tieqaf jekk mhux se nqumu bħala nazzjon u niddeċiedu jekk irridux ngħixu flimkien jew separati”, qal Fr. Forka.

Rene Ngeh ħarab minn Ngarbuh u marret Yaoundé. Dan ir-raġel qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet CRUX, li disà membri tal-familja ta’ martu, inqatlu.

“Iz-zija tal-mara inqatlet flimkien mat-tmien uliedha f’dan il-massakru. Dawn marru jgħixu fi Ngarbuh, villaġġ tal-bdiewa għax ħasbu li hemm se jkunu fis-sigur, iżda qatt ma basru li se jinqatlu waqt li jkunu rieqda mill-istess militar li suppost qed jipproteġihom”, qal Rene

Il-kriżi fir-reġjuni tat-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Cameroon bdiet fl-2016 bi protesta minn avukati u għalliema favur l-użu tal-lingwa Ngliża għax ma riedux li titfarrak is-sistema edukattiva u dik legali pratikati fir-reġjuni fejn hu mitkellem l-Ingliż. Il-protesta malajr iddeġenerat f’irvell armat li wassal biex ħafna li jitkellmu bl-Ingliż jitolbu l-indipendenza mill-bqija tal-pajjiż.

Maqtula jew bla dar

Skont in-Nazzjonijiet Uniti, f’dan il-kunflitt sal-lum diġa’ mietu madwar 3,000 persuna filwaqt li aktar minn 500,000 spiċċaw bla dar.

Bejn l-aħħar ta’ Ottubru u l-bidu ta’ Novembru li għadda l-Gvern ċentrali organizza “Djalogu Nazzjonali Kbir” bil-ħsieb li jwaqqaf ir-ribeljoni sexxenzjonista fil-pajjiż u riċentement żewġ Isqfijiet Kattoliċi mexxew delegazzjonijiet biex jispjegaw lir-residenti tar-reġjuni li jitkellmu bl-Ingliż, id-dettalji tal-ftehim li ried jilħaq i-Gvern. Madankollu baqa’ għaddej il-ġlied bejn il-forzi tas-sigurtà u s-separatisti armati.

Rene Ngeh qal lill-aġenzija Crux li “naħseb li wasal iż-żmien li l-komunita internazzjonali tagħmel pressjoni fuq il-Gvern tal-Cameroon biex isib soluzzjoni għal dan il-kunflitt li sewa l-ħajja ta’ ħafna nies”.

Żied jgħid li din iż-żona drat tgħix fil-ġlied, “iżda il-massakru ta’ Ngarbuh hu xi ħaġa speċjali minħabba n-nies li nqatlu fih kienu trabi, nisa tqal u xjuħ”.

Kelliem għall-militar tal-Caneroon iddeskriva “l-allegat massakru bħala aħbar falza” iżda meta kien konfrontat minn xhieda tal-massakkru ma tkellimx aktar.

Felix Agbor Balla, avukat li jaħdem favur id-drittijiet tal-bniedem, appella lill-awtoritajiet biex jinvestigaw “dan il-qtil brutali” u sejjaħ biex dawk li wettqu dan id-delitt grottesk jitressqu l-Qorti biex issir ġustizzja magħhom.

F’dawn iż-żoni tal-Cameroon fejn hi użata l-lingwa Ngliża seħħew numru ta’ inċidenti bħal dan. Osservaturi jsostnu li ż-żjieda fil-każi ta’ qtil hi riżultat dirett tal-fatt li fir-reħjuni ntbagħatu mas-700 suldat ieħor qabel l-elezzjonijiet li saru aktar kmieni dan ix-xahar.