​“Saċerdot bla passjoni jirriskja li jgħaddi lill-bniedem minn passjoni”

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech appella biex is-saċerdoti jistinkaw biex ikollhom passjoni għal Ġesù Kristu u għall-bniedem. Spjega li jekk is-saċerdot ma jkollux din il-passjoni, jirriskja li meta jfisser il-Vanġelu hu stess jgħaddi lill-bniedem minn passjoni.
Mons. Grech kien qed jindirizza lis-saċerdoti Għawdxin li din il-ġimgħa attendew seminar ta’ aġġornament dwar l-omelija.  Hu radd ħajr lis-saċerdoti, li ta’ spiss, partikolarment fil-Quddiesa tal-Ħadd, iwasslu l-Kelma t’Alla.
Is-seminar li sar fuq jumejn, ġie indirizzat minn Dun Saviour Chircop, Professur fil-Fakultà tal-Midja u x-Xjenzi tal-Għarfien fl-Università ta’ Malta u minn Patri Martin Cilia MSSP, Direttur tal-Oratorju MSSP f’Birkirkara.
Dun Saviour Chircop tratta t-tema Meta tibda l-omelija?, fejn tkellem dwar il-mod ta’ komunikazzjoni b’enfasi li l-omelija għandha tgħin lin-nies jagħmlu ‘esperjenza’.
Semma kif anke ħwejjeġ prattiċi bħall-ambjent, l-indafa, is-skiet, il-post, id-dawl, il-mikrofonu, u l-ewwel ħames minuti tal-Quddiesa, huma importanti biex saċerdot ikellem lill-qalb tan-nies u mhux lil moħħhom biss.
Saħaq dwar l-importanza li omelija tkun imħejjija tajjeb, u li tkun qasira, ħelwa u dritt għall-punt.
Min-naħa tiegħu, Patri Martin Cilia tkellem dwar X’messaġġ għandna nwasslu? u saħaq li saċerdot m’għandux ikun biss ministru tal-Kelma, imma qaddej tagħha, għax biha hu juri l-wiċċ ta’ Alla lill-poplu.
Sostna l-importanza, li fit-tħejjija tal-omelija, tingħata prijorità lit-talb.
Fakkar li s-saċerdot għandu dmir jipprietka lil Ġesù Kristu u mhux dak li jogħġob lin-nies. 
Is-seminar ġie organizzat mill-Kummissjoni Liturġika tad-Djoċesi fid-dawl ta’ dak li jikteb il-Papa fl-Evangelii Gaudium u fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tad-Direttorju Omelitiku li ħareġ dan l-aħħar mill-Kongregazzjoni tal-Kult Divin f’Ruma.