Sabu l-irħama ta’ fuq il-qabar ta’ Snow White

L-irħama ta’ fuq il-qabar tal-vera Snow White fil-Mużew Djoċesan ta’ Bamberg Ritratt: Il-Mużew Djoċesan ta’ Bamberg

Mużew f’Bamberg fil-Ġermanja għandu l-irħama li kien hemm fuq il-qabar ta’ Maria Sofia von Erthal, l-ispirazzjoni wara l-istorja ta’ Snow White miktuba mill-aħwa Grimm fl-1812. L-irħama kienet mitlufa mill-1804 u issa l-Mużew Djoċesan ta’ Bamberg qed juriha għall-ewwel darba.

Ritratt: Il-belt ta’ Lohr fejn twieldet von Erthal, illum magħrufa bħala Il-Belt ta’ Snow White

L-irħama kienet intilfet wara li twaqqgħet il-knisja fejn indifnet von Erthal. L-istess irħama tfaċċat f’dar f’Bamberg fil-Ġermanja Ċentrali li l-familja għaddietha lill-mużew.

Ritratt: Maria Sofia von Erthal, il-vera Snow White, u s-Snow White ta’ Walt Disney

Von Erthal twieldet fil-15 ta’ Ġunju 1729 fil-belt ta’ Lohr am Main, jew Il-Belt ta’ Snow White kif inhi magħrufa issa. Kienet oħt l-Arċisqof ta’ Mainz. Ommha mietet meta kienet t-tifla kellha sentejn u missierha reġa’ żżewweg mara oħra. Din il-mara xejn ma kienet iġġibha lit-tifla għax diġà kellha t-tfal, bħalma nsibu fl-istorja ta’ Snow White li kienet tgħix ma’ ommha tar-rispett li ma kinetx tħobbha.

Missierha kellu fabbrika tal-mirja fejn l-industrija tal-ħġieġ kienet attiva ħafna. Dan il-fatt possibbilment kien ukoll l-ispirazzjoni tal-mera fl-istorja ta’ Snow White fejn is-saħħara l-ħażina tfittex biex tara min kienet l-isbaħ mara,  kif ukoll it-tebut tal-ħġieġ li Snow White kienet tpoġġiet fih.

Ritratt: Il-kastell li kienet tgħix fih Snow White l-oriġinali f’Lohr am Main

Imma l-istorja ta’ von Erthal ma spiċċatx ‘ferħana dejjem’ bħall-istorja fil-film ta’ Walt Disney. Il-mara ma żżewġet qatt u marret tgħix f’Bamberg fejn wara li tilfet id-dawl ta’ għajnejha mietet fl-età ta’ 71 sena.

Ritratt: Snow White mas-Seba’ Nani

Bamberg kienet magħrufa li kellha seba’ għoljiet kif ukoll għal persuni nani li kienu jaħdmu fil-minjieri, eżatt bħalma nsibu fil-film ta’ Walt Disney fejn seba’ nani jaħdmu fil-minjieri.

Ritratt: Il-mera li missier Maria Sofia von Erthal kien taha b’rigal u l-mera kif dehret fil-film Snow White and the Seven Dwarfs

L-istorja ta’ Snow White kisbet popolarità kbira fl-1937 meta Walt Disney ħadet l-ewwel film tiegħu tal-cartoons, Snow White and the Seven Dwarfs. Il-karattru tagħha sploda u kulħadd sar jaf bi Snow White … imma kważi ħadd ma’ jaf b’ Maria Sofia von Erthal.