Sabiħ Li Tagħti – Titnieda l-itwal ‘maratona’ b’risq id-Dar tal-Providenza

Mark Zammit Cordina

Read in English.

Id-Dar tal-Providenza nediet kampanja bl-isem ta’ “Sabiħ li tagħti” biex tiġbor fondi bil-għan li tkun tista’ tibqa’ tagħti s-servizzi professjonali lir-residenti tagħha.

Fi stqarrija kien spjegat kif matul l-aħħar xhur, il-pajjiż intlaqat mill-imxija tal-coronavirus u minħabba f’hekk mhux talli naqsu drastikament id-donazzjonijiet li tiddependi fuqhom id-Dar, iżda wkoll żdiedu bil-qawwi l-ispejjeż biex titħares is-saħħa tal-ħaddiema u r-residenti.

Apparat ġdid biex id-Dar tkun attrezzata għall-pandemija

L-amministratur tad-Dar Nadine Camilleri Cassano spjegat kif matul l-aħħar xhur fejn, bl-iskop li tkun imħarsa s-saħħa tar-residenti u l-ħaddiema, ittieħdu għadd ta’ miżuri bl-għan li jsegwu l-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Id-Dar tal-Providenza investiet fi smartphones għad-djar u l-appartamenti tar-residenti biex kull grupp seta’ jżomm kuntatt mal-qraba u ħbieb waqt il-pandemija. Kien spjegat li dan kien possibbli permezz tal-investiment qawwi li għamlu il-MITA fil-Wifi tad-Dar u li ġie inawgurat mill-President ta’ Malta. Sar investiment ukoll f’sistemi teknoloġiċi biex ix-xogħol amministrattiv ikun jista’ jitwettaq permezz ta’ teleworking.

Id-Dar tal-Providenza investiet ukoll f’tagħmir protettiv (PPE) għall-istaff li jaħdem f’kuntatt mar-residenti, kif ukoll maskri, termormetri u diżinfettanti. Kien hemm żieda fil-frekwenza tat-tindif u d-diżinfettar fil-postijiet li jintużaw l-aktar ta’ spiss mir-residenti u l-ħaddiema. Dan barra li ġie provdut trasport sigur għal ħaddiema li ma jsuqux u ngħata programm ta’ taħriġ lill-infermiera residenti magħha.

Camilleri Cassano spjegat ukoll kif tul dan il-perjodu, r-residenti kienu konfinati fl-appartamenti u d-djar tagħhom għax il-ħruġ kien eliminat għal kollox. It-tim tal-Ability Promoters immexxi minn Margaret Vella ħolqu diversi attivitajiet biex iferrħu r-residenti.  Dawn kienu jinkludu street music darbtejn fil-ġimgħa, u sessjonijiet ta’ crafts.  Flimkien mal-carers, kienu wkoll joħorġu lir-residenti fil-ġonna tad-Dar.

“Minkejja d-diffikultajiet, ħdimna u rajna li dak li kellu isir biex nipproteġu s-saħħa tar-residenti nagħmluh bl-aħjar mod biex ir-residenti tad-Dar jibqgħu jkollhom kwalità ta’ ħajja tajba u ambjent li jirrispetta id-dinjita tagħhom.  Dan kollu kien ifisser investiment ta’ iktar minn €60,000,” sostniet Camilleri Cassano.

Id-donazzjonijiet naqsu fi żmien il-pandemija

Manwel Zammit fakkar kif f’ċirkostanzi normali, kieku waslet biex titnieda l-maratona tal-volleyball b’riżq id-Dar tal-Providenza, maratona li waħedha kienet tirrendi man-nofs miljun ewro. Hu spjega kif l-operat tal-uffiċċju li hemm fil-Belt Valletta twaqqaf u anke naqsu drastikament id-donazzjonijiet li kienu jsiru min-nies li kienu jiġu d-dar biex jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom.

Hu esprima l-apprezzament tiegħu għas-sens ta’ solidarjetà muri minn diversi organizzazzjonijiet u entitajiet kummerċjali li sabu kif jgħinu lid-dar, fosthom donazzjonijiet miġbura minn Malta Together, il-kumpanija Bad Boys li provdiet ħaddiema biex jgħinu fit-tindif, il Corinthia Group of Companies u Norwex Limited, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u r-Rotary club għad-donazzjonijiet ta’ maskri u l-kumpanija Bitmac għal xogħol ta’ tarmak u għal kċejjen fir-residenza fil-Balluta u Dar Pirotta.

Min-naħa tiegħu, Jesmond Saliba, tkellem dwar l-isfidi ta’ dawn l-aħħar xhur fejn barra l-aspett finanzjarju, twaqqfu ż-żjarat kollha tal-qraba tar-residenti. Madankollu, huwa fakkar kif is-servizz professjonali li jingħata fid-Dar jiddependi għal kollox, ħlief għal xi eċċezzjonijiet żgħar fuq id-donazzjonijiet tal-poplu Malti. Hu kompla billi ħabbar li se titnieda l-inizjattiva Sabiħ Li Tagħti, li tmur lil hinn mill-Maratona tal-Volleyball, imma li se tkun il-kappa li taħtha se jkunu qegħdin jiġbru l-isforzi kollha ta’ ġbir tul ix-xhur li ġejjin, bil-għan li nżommu d-Dar ħajja. Hu fakkar kif id-Dar teħtieġ aktar minn €5 miljun ewro fis-sena biex tkopri s-servizzi li tagħti u li dan jiddependi mill-ġenerożità tal-poplu Malti.

Fr Micallef se jiqaf għal perjodu ta’ żmien

Hu kompla billi ħabbar li Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza se jkun qed jieqaf għall-perjodu indefinit mir-responsabbiltajiet tiegħu biex jingħata l-kura għall-kanċer li jitfejjaq.

“Fr Martin se jkun qed jibda maratona differenti u aktar iebsa. Huwa żmien diffiċli għalina li naħdmu miegħu u għal familja ta’ Fr Martin, il-familja ta’ din id-Dar. Ix-xogħol tad-Dar se jibqa’ għaddej bl-aħjar mod kif dejjem kien mill-Management minn dawk li jservu fil-Bord tad-Diretturi u l-ħaddiema kollha tad-Dar.”

Huwa talab biex il-pubbliku jagħti donazzjoni li mhux biss tgħin lir-residenti tad-dar iżda jkun rigal għal Fr Martin biex sas-sena d-dieħla jkun jista’ jkompli fil-missjoni tiegħu hemmhekk.

Illum ukoll żaret id-Dar tal-Providenza l-Professur Charmaine Gauci, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika fejn iltaqgħet u tkellmet ma’ bosta ħaddiema tad-Dar u rringrazzjathom tal-impenn u d-dedikazzjoni u li wrew matul il-perjodu tal-pandemija. Hi rringrazzjat lill-amministrazzjoni tad-Dar għall-miżuri li ħadu biex jiżguraw is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u r-residenti.