“Nhar il-Ġimgħa, il-Gvern se jirbaħ vot ta’ fiduċja sod fil-Parlament”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li nhar il-ġimgħa li ġej, il-Gvern se jirbaħ vot ta’ fiduċja sod fil-Parlament.
Tenna li dan huwa vot li se jaċċetta b’umiltà u qal li se jkompli jagħti s-saħħa lill-Gvern Laburista biex Malta tkompli tinbidel.
Sostna li dan il-vot se jkun ukoll vot ta’ fiduċja fis-sistema demokratika ta’ Malta.
Joseph Muscat qal li qed jistenna li l-Partit Nazzjonalista għandu proposti ċari biex jiggverna għax qal “li mhux billi tressaq vot ta’ sfiduċja imma trid tressaq pjan ta’ gvernar”.
Qal li bid-dimostrazzjoni kontra l-korruzzjoni li se ssir illum, Simon Busuttil “qed jipprova jsemmi lil Malta fin-negattiv fl-aħbarijiet internazzjonali”.
“Kull min jgħid kontra l-każ tal-Panama barra min Malta jkun qed jagħmel ħsara lill-pajjiż”
Il-Prim Ministru qal ukoll li kull min jgħid kontra l-każ tal-Panama dwar Malta ikun qed jgħid kontra Malta u jkun qed ifixkel lill-pajjiż.
Dr Muscat qal dan filwaqt li sostna li qatt ma ddejjaq jieħu deċiżjoni.
Qal li l-aktar deċiżjonijiet diffiċli qatt ma jaraw id-dawl tax-xemx għax joħodhom qabel ma sseħħ problema.
“Il-ġurnata li l-għajjat jirbaħ fuq il-fatti, il-ġustizzja tkun spiċċat”
Il-Prim Ministru qal li d-deċiżjoni dwar il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri se joħodha imma mhux issa.
Fakkar kif id-deċiżjoni ma titiħidx skont iċ-ċapċip jew skont l-opinjoni pubblika imma qal li se jistenna r-rapport ta’ awditjar fil-każ tal-Ministru Konrad Mizzi.
Qal li “jekk jirriżulta li ma ntqalitx il-verità l-pożizzjoni tagħhom ma tibqax tenibli” u qal li t-tnaqqis fil-popolarità ma jdejqux.
“Simon Busuttil qed jagħmel il-Panama f’Malta”
Sfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jippubblika l-lista ta’ ismijiet li jkunu selfu lill-Partit Nazzjonalista fl-iskema Ċedoli għax saħaq li hija skema sigrieta.
“Sa tmiem din is-sena, il-Gvern ikun ippubblika l-ftehimiet kollha” 

Il-Prim Ministru qal li filwaqt li se jipproteġi l-affarjiet li huma kummerċjalment sensittivi, il-Gvern se jippubbblika l-ftehimiet ewlenin tal-pajjiż biex juri t-trasparenza fl-Igvernar.

Qal li b’dan il-mod il-Gvern ikompli jkun mudell tat-trasparenza.

Tenna li l-Gvern se joħroġ bi pjan ta’ ħidma biex ikun aktar trasparenti u nkariga lid-Deputat Prim Ministru Louis Grech biex imexxi dan il-pjan ta’ ħidma.
“Dan huwa Gvern sod li se jkompli għaddej bil-leġislatura kollha kif inhi.”
"Sentejn oħra se nirbħu l-elezzjoni għax se jkollna manifest elettorali mimli b’ħidma ambizzjuża għal ħames snin oħra", sostna Joseph Muscat.
Aċċenna għall-“moviment” li se jkompli jaħdem biex iġib lil Malta ‘l quddiem.
Sostna li dan hu “pajjiż żgħir b’potenzjal kbir”, fejn appella lil dawk miġbura biex ma jħallux lil dawk li jiżirgħu l-mibiegħda.
Reġa fakkar fir-rebħa storika ta’ 36,000 vot u qal li għalhekk il-Partit Laburista qiegħed jiggverna.
Il-Prim Ministru għalaq il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista f’sessjoni li saret fiċ-Ċentru Laburista fil-Ħamrun.
Reazzjoni Partit Nazzjonalista
F’reazzjoni l-PN qal li d-diskors tal-Prim Ministru huwa surreali.