Aġġornata (3): Malta kollha terġa’ tara d-dawl

Aġġornata 15:20
Wara 19-il siegħa minn meta lbieraħ Malta spiċċat bla dawl, il-ħaddiema tal-Enemalta rnexxielhom isolvu l-problema biex issa l-lokalitajiet kollha ta' Malta u Għawdex għandhom il-provvista tal-elettriku.
F'Ħaż-Żebbuġ, f'Ħal Qormi, f'Ħal Luqa u fiż-Żona Industrijali tal-Marsa, l-elettriku ġie lura fit-3.15 ta' waranofsinhar.
Dawn il-lokalitajiet kellhom problema minħabba li huma mqabbda dirett maċ-ċentru ta' distribuzzjoni tal-Marsa, iċ-ċentru fejn ilbieraħ ġrat l-isplużjoni li kkawżat il-qtugħ fil-provvista.

Aktar kmieni
Għall-ħabta ta' nofsinhar suppost il-lokalitajiet kollha kellhom jiġihom l-elettriku iżda Kelliem għall-Enemalta qal li Ħal Qormi, Ħaż-Żebbuġ, Ħal Luqa u l-Marsa għad baqalhom x'jistennew.  
Dan hekk kif bħalissa l-ħaddiema tal-Korporazzjoni għadhom qed jaraw kif se jsolvu l-problema u jissuplixxu l-elettriku.
Dan ifisser li dawn il-lokalitajiet ilhom aktar minn 18-il siegħa bla dawl.

L-Enemalta qed tittama li sa nofsinhar tkun qed tipprovdi elettriku lil Malta kollha.  
Wara aktar minn 14-il siegħa, Ħal Qormi, Ħaż-Żebbuġ, partijiet minn Ħal Luqa u ż-Żona Industrijali tal-Marsa għadhom qed jistennew li tiġi lura l-provvista tal-elettriku.
Minħabba x-xogħlijiet li qed isiru, fil-ħin li ġej xorta waħda mistennni jkun hawn problemi bl-elettriku.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Marsa, il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni, Frederick Azzopardi qal li lbieraħ Malta kollha spiċċat bla elettriku minħabba problema fil-wajers li kienu mqabbda maċ-ċentru ta’ distrubuzzjoni fil-Marsa.
Din il-problema kkawżat splużjoni taħt l-art f’parti miċ-ċentru tad-distribuzzjoni u ħsara f’wieħed mill-units li jiġġenera l-elettriku fil-power station ta’ Delimara.
Il-Kap Eżekuttiv qal li li l-inċident ma’ ġarax għax kien hemm talba qawwija għall-elettriku.  Sostna li f’każ ta’ żieda fit-talba, l-Enemalta kellha provvista ta’ 60MW.
Nirien kbar ħakmu l-bini tal-Marsa u bil-qawwa tal-isplużjoni nqasam ukoll it-tarmak ta’ toroq fl-akwati.
Azzopardi sostna li meta Malta kienet bla dawl, l-Enemalta kienet f’kuntatt kontinwu ma’ Mater Dei u mal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta biex dawn it-tnejn jingħataw mill-ewwel elettriku.
L-ewwel lokalità li ngħatat elettriku kienet Wied il-Għajn.
Infetħet inkjesta maġisterjali biex tistabilixxi eżattament kif ġraw l-affarijiet.

Raħal Ġdid, il-Fgura u Ħal Tarxien ukoll bla dawl
Kelliem għall-Enemalta qal ma' Newbook.com.mt li dalgħodu ġara inċident ieħor u ġiet irrappurtata ħsara f'wajer li kkawżat fil-qtugħ fil-provvista f'Raħal Ġdid, il-Fgura u f'ċerti żoni ta' Ħal Tarxien.
L-Enemalta qed taħdem biex issolvi din il-problema wkoll. 
Sorsi infurmawna li l-elettriku fil-Fgura mistenni jiġi daqs tliet sigħat oħra.