Sa issa ġew ikkuntattjati 264 Malti fil-Libja

Fl-aħħar sigħat il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ikkuntattjata 264 Malti li jinsabu fil-Libja biex ikollu għarfien dwar is-sitwazzjoni tagħhom u jekk għandhomx bżonn għajnuna fid-dawl tat-tensjoni fil-pajjiż.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru George Vella qal li tim ta’ sitt persuni qed iħaddmu ċ-ċentru ta’ kriżi u jikkuntattjaw lill-Maltin fil-Libja.
Il-Maltin ġew ikkuntattjati bit-telefown, Skype u Facebook. 40 minnhom ma setgħux ikellmuhom direttament iżda se jkomplu jippruvaw.  63 jinsabu barra mil-Libja u 6 oħra ħarġu mil-Libja billi għaddew minn Tuneż.
Il-Ministru George Vella qal li ladarba l-Air Malta tagħmel titjiriet għal Mitiga, l-Ambaxxatur Malti jmur mal-ewwel titjira. Żied jgħid li bħalissa fl-Ambaxxata hemm żewġ Konsli Maltin residenti l-Libja. 
Il-Ministru  qal li għalkemm is-sitwazzjoni fil-Libja mhix waħda sabiħa, mhix daqshekk drammatika u għaldaqstant m’hemmx bżonn li ssir evakwazzjoni. Iżda saħaq li dan ma jfissirx li m'hemmx riskju. 
Qal li dalgħodu nfetħu l-ajruporti ta’ Mitiga u Misurata li jekk issir it-talba, jistgħu jintużaw mill-Kontrollaturi tat-Traffiku f’Malta.
Malta qed terġa' tappella lill-komunità internazzjonali biex taħdem għal proċess demokratiku fil-Libja li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem.
Kull min jixtieq jikkuntattja l-Ministeru jista' jċempel fuq: 22042200 jew 80072203 jew imejl: crisis.mfa@gov.mt
Il-PN jippreżenta mozzjoni fil-Parlament dwar il-Libja
Illum f'nofsinhar id-Deputat Nazzjonalista Karm Mifsud Bonnici ressaq mozzjoni ​biex is-sitwazzjoni fil-Libja tiġi diskussa b'mod urġenti fil-Parlament. Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni qed titlob li jkun hemm dibattitu liberu u informattiv dwar dak li hu għaddej. 
B'reazzjoni, il-Ministru Vella qal li Dr Mifsud Bonniċi mhux qed ikun fattwali, iżda irresponsabbli.