Aġġornata: Il-Malta Enterprise mistennija tintervjeni biex issalva l-impiegi tal-Actavis

17:35: Illum stess saret l-ewwel laqgħa bejn il-Malta Enterprise u l-kumpanija Actavis dwar id-deċiżjoni meħuda mill-management internazzjonali ta’ din il-kumpanija farmaċewtika li tagħlaq id-Dipartiment tar-Riċerka u l-Iżvilupp f’Bulebel.

Skont stqarrija mill-Ministeru tal-Finanzi, il-laqgħa kienet pożittiva u ntlaħaq qbil li jitkomplew id-diskussjonijiet fil-jiem li ġejjin.

Intant, il-management lokali tal-Actavis se jkun qed iressaq il-proposti li qed jiġu diskussi mal-Malta Enterprise lill-management internazzjonali bl-għan li tinstab soluzzjoni li tħares l-impjiegi tal-ħaddiema affettwati.

14:36: Fi stqarrija, il-Ministeru tal-Finanzi qal li l-Ministru Tonio Fenech talab lill-Malta Enterprise biex tibda diskussjoni mal-kumpanija Actavis dwar il-fatt li l-kumpanija trid tagħlaq id-Dipartiment tar-Riċerka u Żvilupp f’Bulebel, deċiżjoni li taffettwa l-impjieg ta’ 64 persuna.

Il-Ministeru qal li d-diskussjonijiet għandhom isiru bl-għan li jiġu mfittxija soluzzjonijiet alternattivi, inkluż permezz ta’ għajnuna mill-Gvern, biex tinstab soluzzjoni kemm jista’ jkun malajr għal dawn l-impjegati li se jintlaqtu minn din id-deċiżjoni.

Actavis qalet li dan ir-ristrutturar b’ebda mod ma jaffettwa l-bqija tal-ħaddiema li huma impjegati fil-qasam tal-manifattura, bejgħ u marketing.

Aktar kmieni:
64 ħaddiema tal-kumpanija tal-farmaċewtika Actavis dalgħodu ġew infurmati li se jispiċċaw bla xogħol.

Waqt laqgħa mat-tmexxija tal-kumpanija, il-ħaddiema tad-Dipartiment tar-Riċerka u l-Iżvilupp f’Bulebel, illum saru jafu li fl-aħħar tas-sena se jispiċċaw bla xogħol.

F’Novembru li għadda, Actavis inxtrat mill-kumpanija l-oħra Watson, li qed tara kif tibda tnaqqas mill-infieq tal-kumpanija.

Impjegati oħra tal-Actavis qalu lil Newsbook li huma maħsuda b’din l-aħbar u ma stennewx li l-kumpanija se tieħu din id-deċiżjoni daqshekk drastika. Il-ħaddiema qalulna li malli l-Actavis għaddiet f’idejn Watson mill-ewwel ħassew ċertu tibdil.

F’Ottubru li għadda, il-managment tal-kumpanija qal lill-ħaddiema li fil-ġimgħat li ġejjin se jagħitihom rendikont ta’ kif inhi miexja l-kumpanija.

Meta Newsbook staqsa dwar din is-sitwazzjoni ta’ inċertezza, l-impjegati qalu li xi wħud minnhom saħansitra qed iżommu lura milli jixtru post għaliex ma jafux jekk ikunux jistgħu jħallsu d-dejn mal-bank.

Intant f’kummenti lil Newsbook, is-Segretarju tal-GWU – li tirrappreżenta ħafna mill-ħaddiema tal-Actavis, qal li l-Unjin ma kinitx infurmata b’din id-deċiżjoni. Tony Zarb qal li minkejja l-Unjin m’għandix rappreżentanza qawwija fid-Dipartiment tar-Riċerka u l-Iżvilupp, xorta waħda se taqbeż għad-drittijiethom.

Fil-ħin liġej, l-Unjin se titlob laqgħa mal-management tal-kumpanija.