Sa Ġunju mistenni jkun hemm kriżi tal-ikel fis-Sahel

Il-ġlied qed joħoq nuqqas ta' ikel u nuqqas ta' sigurtà fis-Sehel

Skont grupp tal-Caritas Internazzjonali, iż-żjieda fl-attakki armati, l-emigrazzjoni u l-insigurta’ fil-provvista tal-ikel qed jheddu l-ħajja soċjali u l-paċi fir-reġjun ta’ Sahel, fil-Punent tal-Afrika.

Rappreżentanti minn 16-il-aġenzija tal-Caritas mir-reġjun tas-Sahel, l-Ewropa u l-Istati Uniti, flimkien ma’ delegati minn Caritas Africa u Caritas Internazzjonali, iltaqgħu fil-Guinea Bissau biex jeżaminaw is-sitwazzjoni tal-agro-ekoloġija, is-sigurta tal-ikel ul-akkumpanjament tal-emigranti u biex jiċċekkjaw l-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-inegrazzjoni, protezzjoni u l-ħarsien tat-tfal u l-persuni vulnerabbli.  Il-parteċipanti fil-laqgħa innutaw li s-sitwazzjoni fir-reġjun hi waħda allarmanti.

Nuqqas ta’ sigurtà

F’dawn l-aħħar xhur fis-Sahel kien hemm żjieda fl-attakki minn gruppi terroristiċi kontra l-forzi tas-sigurtà u l-popolazzjoni lokali li wasslu biex ħafna nies bdew jitilqu minn djarhom. Is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ sigurtà kompliet tiggrava bid-diversi inċidenti ta’ vjolenza bejn membri ta’ komunitajiet differenti. Għalhekk il-koeżjoni soċjali fir-reġjun hi fil-periklu.

Iffaċċjat minn dan il-kuntest ta’ nuqqas ta’ sigurtà, kaġunat minn diversi fatturi, il-Caitas qed tikkunsidra l-importanza li jittieħdu miżuri li jsaħħu l-koeżjoni soċjali u tinżamm il-paċi permezz tal-proġetti u l-programmi li għandha għar-reġjun.

In-nuqqas kbir ta’ ikel li qed iwassal li qed iwassal għal nuqqas ta’ sigurtà fost il-popli tas-Sahel hu konsegwenza tat-tilwim ċivili kontinwu fir-reġjun. Il-Caritas – li hi Karità Pontifiċja – qed tbassar li minn issa sa Ġunju madwar 7.2 miljun persuni se jkollhom bżonn l-għajnuna immedjata.  L-aktar milquta huma persuni li se jkollhom jabbandunaw l-għelieqi tagħhom, il-bhejjem u allura ma jkollhomx biex jgħixu.

Għajnuna

Għalhekk Caritas u aġenziji oħra fis-Sahel qed jimplimentaw  programmi ta’ għajnuna fil-Mali, in-Niger u Burkina Faso fejn eluf ta’ persuni bla dar u l-familji li qed jilqugħhom qed isogru l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ sigurtà u n-nuqqas ta’  ikel.

Dan flimkien ma’ programm agro-ekoloġiku li qed jitħaddem f’xi partijiet tar-reġjun maħsub biex il-komunità tkun tista’ tfendi għal rasha għall-prodotti agrikoli, b’sistemi li jirrispettaw l-ambjent u tkun evitata esplojtazzjoni esaġerata tal-art biex l-għelieqi jkunu kapaċi jiġġeddu u jagħtu aktar frott.

Ngħatat attenzjoni partikolari għall-fenomenu tal-emigrazzjoni. Skont rapport tal-2018 fuq it-Traffikar Globali tal-Persuni, ħafna mill-vittmi tat-traffikar fl-Afrika se jibqgħu jkunu t-tfal, subien u bniet.  Ħafna minn dawn il-vittmi (63%) se jipiċċaw jagħmlu xogħol furzat u għalhekk il-Caritas se tkompli taħdem biex ikun rispettati d-drittijiet tal-emigranti.

Matul il-laqgħa f’Guinea Bissau ir-rappreżentanti tal-aġenziji tal-Caritas fir-reġjun ta’ Sahel qasmu informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni ħarsien tat-tfal u adulti vulnerabbli li kienu adottati minn Caritas Internazzjonali sentejn ilu.