“Sa għada rridu nlestu l-abbozz għas-Sinodu” – l-Isqof Grech

L-Isqof Mario Grech - Sinodu 1
© Vatican Media

L-Isqof Mario Grech qal li llejla fis-7pm se titlaqqa’ l-Kummissjoni, li huwa jifforma parti minnha, biex tħejji l-abbozz għas-Sinodu tal-Isqfijiet. L-Isqof Grech qed jipparteċipa f’dan is-Sinodu bħala l-Pro-Segretarju Ġenerali.

F’intervista esklussiva ma’ Newsbook.com.mt, l-Isqof Grech spjega li dan l-abbozz mistenni jkun lest illejla stess biex għada l-Ħadd isiru t-traduzzjonijiet fil-lingwi tas-Sinodu. Semma kif illejla huma ppreparati għal sigħat twal ta’ diskussjonijiet biex jiġi maqbul it-test li se jiġi ppreżentat lill-Isqfijiet nhar it-Tnejn li ġej.

Is-Sinodu dwar l-Amażonja qed jiltaqa’ fil-Vatikan f’dawn il-ġranet bil-parteċipazzjoni tal-Isqfijiet tar-reġjun tal-Amażonja.

© Vatican Media

Fl-intervista, l-Isqof Grech qal li qed isib saqajh. Spjega li għalkemm ħa sehem fi tliet Sinodi oħra, qabel kien ikun parteċipant u issa qiegħed fuq in-naħa ta’ min huwa responsabbli mill-organizzazzjoni. Qal li f’din il-fażi qed jassisti lill-Kardinal Baldisseri li huwa s-Segretarju Ġenerali attwali tas-Sinodu. Irrakkonta wkoll li kif kienet ix-xewqa tal-Papa huwa qed jiltaqa’ mal-istaff tas-Segreterija biex jieħu l-esperjenza ta’ x’ikun qed jiġri wara l-kwinti tas-Sinodu.

Fisser li s-Segreterija tas-Sinodu ilha għal dawn l-aħħar sentejn tipprepara biex tospita lill-187 Isqof ta’ disa’ pajjiżi mill-Amażonja biex jiddiskutu l-problemi u l-futur tal-Knisja għal dan ir-reġjun. Qal li apparti l-Isqfijiet, fis-Sinodu qed jipparteċipaw għadd ta’ reliġjużi u lajċi fosthom nies indiġeni tal-Amażonja.

L-intervista sħiħa se tixxandar fuq 103 nhar it-Tnejn li ġej bejn is-1pm u s-2pm.

© Vatican Media