“Sa filgħodu kien magħna l-iskola”; jitlef ħajtu għalliem maħbub

Ilbieraħ tħabbret il-mewt għall-għarrieda ta’ Joseph Agius, edukatur fl-iskola sekondarja St Michael immexxija mis-Soċjetà tal-MUSEUM.

Il-mewt għall-għarrieda ta’ Agius ħasdet il-komunità edukattiva, b’diversi membri tal-istaff, studenti u eks-studenti jesprimu d-dieqa għall-aħbar tal-mewt tiegħu u jaqsmu memorji sbieħ li kellhom mal-għalliem tant maħbub fl-iskola.

F’post fuq Facebook l-amministrazzjoni tal-iskola St Michael qalet li sal-bieraħ stess huwa kien qiegħed l-iskola għal ġurnata normali ta’ lezzjonijiet. L-amministrazzjoni tal-iskola qalet li “wara nofsinhar miet ħabta u sabta s-Sur Joseph Agius, l-għalliem tal-Istorja ta’ Malta fl-iskola tagħna. Il-mara sabitu mejjet xħin irritornat lura d-dar wara x-xogħol.”

Għalkemm il-kawża tal-mewt għall-għarrieda għadha mhix konfermata, mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li Agius miet kawża ta’ attakk tal-qalb. Tliet ġimgħat oħra huwa kien se jagħlaq 55 sena. Il-funeral tiegħu se jsir fil-Knisja ta’ Ħal Għaxaq nhar it-Tnejn fit-3pm.

Il-Ġimgħa 16 ta’ Ottubru – Aħbar li ħasditna. Illum wara nofsinhar miet ħabta u sabta s-Sur Joseph Agius, l-għalliem…

Posted by St Michael School on Friday, October 16, 2020

L-aħbar tal-mewt ħarġet ilbieraħ għall-ħabta tas-6.30pm minn Legio X Fretensis, grupp li jtella’ re-enactments tal-perjodu Ruman, li kien jifforma parti minnu u li tant kien għal qalbu.

R.I.P It is with great sadness that we have lost our Centurion, Joseph Aguis. He has passed away unexpectedly. On behalf of LXFM our condolences go to his wife and family.

Posted by Legio X Fretensis – Malta on Friday, October 16, 2020

Joseph Agius twieled fit-8 ta’ Novembru 1965. Huwa ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola Primarja ta’ Ħal Għaxaq u fil-Liċeo Superjuri tal-Imsida. Wara xi snin jaħdem f’bank lokali, fil-bidu tas-snin disgħin daħal bħala għalliem fl-Iskola St Michael, skola mmexxija mis-Soċjetà tal-MUSEUM li tagħha huwa kien membru għal diversi snin. Agius għallem l-Istorja ta’ Malta, l-Arti u l-Ekonomija. F’dawn l-aħħar snin huwa beda jagħmel parti mil-Legio X Fretensis, grupp li jtella’ re-enactments tal-perjodu Ruman. Kellu talent artistiku u kreattiv kbir. Kien dilettant tal-futbol u kien sapporter kbir tal-Palermo F.C. Huwa kien miżżewweġ lil Simona.