Sa €10,000 għall-ġenituri li jaddottaw tfal minn barra minn Malta

Family

Il-Ministru għall-Familja Michael Falzon qal li daħlet fis-seħħ l-għotja sa massimu ta’ €10,000 għal min addotta tfal minn barra minn Malta li ġew konklużi mill-10 t’Ottubru 2017 lil hawn. 
Waqt żjara li għamel għand il-familja Cardona li addottat tifla ta’ sitt snin mill-Indja, il-Ministru Falzon semma kif se tibda tingħata rifużjoni tal-ispejjeż marbuta mal-proċess tal-addozzjoni. 
Spjega li l-addozzjonijiet eliġibbli għal din l-iskema huma dawk li jkunu konklużi mill-10 t’Ottubru lil hawn, li jfisser wara li jitlesta l-proċess legali fil-qrati ta’ Malta u jinħareġ id-digriet mill-istess qrati. 
Il-Ministru Falzon qal li din l-għajnuna finanzjarja se tkun qed tkopri fost l-oħrajn spejjeż t’akkomodazzjoni fil-pajjiż tal-addozzjoni, spejjeż tal-biljetti tal-ajru u dawk ta’ traduzzjoni. 
Min għandu mistoqsija dwar din l-iskema għandu jagħmel kuntatt mal-aġenzija Appoġġ jew iżur il-paġna ta’ Facebook “Adoption Service Malta”.
Ritratt: DOI – Kevin Abela