Sa Diċembru, post ġdid għal kura psikjatrika tat-tfal

Sal-aħħar tas-sena, ix-xogħol strutturali fuq tliet binjiet qrib l-Isptar Monte Karmeli, li minnhom se tingħata kura psikjatrika għal tfal u żgħażagħ taħt it-18-il sena, mistenni jkun lest.
Fi ftit ġimgħat oħra mistennija jinħarġu s-sejħiet għall-offerti għax-xogħlijiet meħtieġa biex ix-xogħol ikun jista’ jibda fil-qrib.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne, fil-Parlament, ħabbar dan hekk kif spjega li l-Gvern mill-ewwel beda jaħdem biex ma jkunx hemm tfal u żgħażagħ fi swali tal-adulti fl-Isptar Monte Karmeli.
Qal li t-tliet binjiet qrib l-Isptar Monte Karmeli nstabu wara insistenza minn nies tekniċi li l-kura tingħata qrib l-isptar. Qal li s’issa saru d-diskussjonijiet meħtieġa mal-partijiet kollha konċernati, u l-Fondazzjoni għal Servizzi Mediċi qed tipprepara s-sejħiet għall-offerti.
Chris Fearne kien qed iwieġeb numru ta’ Mistoqsijiet Parlamentari mid-deputat Nazzjonalista Claudio Grech.
Is-Segretarju Parlamentari kkonferma li hemm żewġ żgħażagħ ta' 14-il sena li qed jinżammu fis-seclusion ward, u li fil-5 ta’ Lulju kien hemm pazjent li ħarab minn din is-sala. Il-Gvern waqqaf bord ta’ inkjesta biex jinvestiga x'wassal għal dan. Id-deputat Nazzjonalista staqsa dwar x’miżuri ta’ sigurtà qed jittieħdu, iktar u iktar ladarba li f’din is-sala qed jinżammu wkoll pazjenti tfal.
Fearne spjega li fil-qrib se tiġi ppreżentata l-konklużjoni tal-bord investigattiv iżda eskluda l-fattur ta’ nuqqas ta’ ħaddiema hekk kif spjega li ma’ ħames pazjenti kien hemm tliet infermiera. Ikkonferma li l-pazjent li ħarab, kien adult.