Sa Diċembru 100 post fejn jiċċarġjaw il-karozzi tal-elettriku

Sal-aħħar ta’ Novembru li ġej mistennija jkun installati 100 charging point għall-karozzi li jaħdmu bl-elettriku. Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi qal li 10 minn dawn se jkunu installati f’Għawdex.

F’Ġunju li għadda, bħala parti mill-proġett DemoEV ġew inawgurati 24 karozza li taħdem bl-elettriku. Dawn il-karozzi se jingħataw lill-voluntiera li applikaw bejn Lulju u Settembru tal-2012 għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat.

Uħud minn dawn il-vetturi se jkunu qed jintużaw ukoll mill-Ministeru għat-Trasport stess.

Waqt l-istess konferenza, il-Ministru għat-Trasport ta donazzjoni lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’forma ta’ tagħmir protettiv għan-numru ta’ karozzi li se jieħdu sehem f’din l-iskema.