“Sa 80% ta’ dawk bi problema bl-ikel għandhom dipressjoni qawwija”

Id-Direttur tal-Psikjatrija u ċ-Ċerpersin tal-Fondazzjoni Kenn Għal Saħħtek Dr Anton Grech qal li minn 40% sa 80% ta' dawk li għandhom problema ta' saħħa relatata mal-ikel, ibatu minn dippressjoni qawwija. Id-dipressjoni mhux neċessarjament tiġi kkawżata minħabba li l-persuna tibqa' bil-ġuħ jew għax tiekol ħafna. 
Irrefera għal ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fejn terz ta' dawk b'eating disorder jibdew fl-etajiet ta' bejn il-15 u d-19-il sena.  
Waqt id-diskussjoni, għamel l-intervent tiegħu, Dr John Cachia, il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali u Anzjani, li fost l-oħrajn qal li meta hu kien l-iskola, kien jagħmel siegħa u nofs jiġri mill-grawnd. Żied jgħid li llum tnaqqsu l-breaks tat-tfal biex jispiċċaw mill-iskola qabel. 
Tkellem ukoll id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar li qal li fil-Parlament diġa' għadda mill-ewwel qari, l-abbozz ta' liġi dwar l-obeżità;. Sostna li sal-lum l-ebda pajjiż fl-Ewropa ma tratta l-problema tal-obeżita' qabel it-twelid. Qal li l-kultura trid tinbidel biex mhux biss nikkuraw problema eżistenti, iżda fost l-oħrajn l-ommijiet li jkunu qed jistennew tarbija permezz ta' korsijiet dwar ikel u eżerċizzju.
Sostna li t-tfal fl-iskejjel, saħansitra mill-kinder garten, għandu jkollhom aktar ħin allokat għall-eżerċizzju fiżiku. 
Matul din il-konferenza, li ġiet organizzata mid-Dipartiment tal-Occupational Therapy fl-Isptar Monte Karmeli flimkien ma' Kenn għal Saħħtek tkellmet ukoll Darleen Zerafa minn Kenn għal Saħħtek.