Sa 8 xhur oħra jinstab post għall-opri tal-baħar fuq l-art

Fi żmien 8 xhur, il-Gvern Ċentrali mistenni jidentifika żona f’Marsaxlokk fejn ikunu jistgħu jinżammu l-karrijiet u opri tal-baħar fuq l-art.
Il-kunsill lokali ta’ Marsaxlokk esprima t-tama li ż-żminijiet stipulati jinżammu biex tissolva problema li ilha toħnoq lil Marsaxlokk għal żmien twil.
Sostna li minkejja li mhix responsabiltà diretta tiegħu, fl-aħħar xhur ħadem fil-qrib tal-Korp tal-Pulizija biex tiġi infurzata by-law dwar karrijiet u oġġetti oħra ta’ ingombru, speċjalment biex opri tal-baħar u karrijiet mitluqin b’mod abbużiv, jitneħħew.
Fl-istess ħin, ħadem biex jinstab post fejn is-sidien ta’ karrijiet u opri tal-baħar ikunu jistgħu jħalluhom fuq l-art. B’hekk, spjega l-kunsill, tiġi megħjuna l-industrija tas-sajd mingħajr ma jinħoloq inkonvenjent għal setturi oħra.