Sa 1,000 persuna tista’ tara logħba basketball bil-fażi l-ġdida tal-Padiljun tal-Basketball

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela, inawgura t-tieni fażi tal-proġett tal-Padiljun tal-Basketball f’Ta Qali. Din il-faċilità se tkun tista’ tilqa’ fiha sa 1,000 persuna biex tara logħba Basketball.

Dan il-Padiljun tal-Basketball huwa ta’ livell internazzjonali u huwa wieħed minn diversi proġetti fil-qasam sportiv li għandhom l-għan li jkomplu jtejbu l-livell tal-isport fil-Gżejjer Maltin.

Fid-diskors tiegħu waqt din l-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela qal li huwa kburi ħafna bix-xogħlijiet li saru u saħaq fuq l-importanza tal-isport biex tinbena soċjetà b’valuri sodi u dixxiplinati. Żied li, “l-iktar li laqatni l-fatt li din l-arena hija aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà kemm bħala spettaturi iżda attrezzata wkoll biex il-persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu jipprattikaw il-logħba tal-basketball.” Qal li dan jgħaqqad mal-politika tal-inklużjoni tal-gvern u kien għalhekk li eleva s-settur tad-diżabilità fuq livell ta’ ministeru.

Preżenti għal din inawgurazzjoni kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima. Huwa rringrazzja lil SportMalta u l-impenn tal-Malta Basketball Association li kellhom irwol importanti fit-twettiq ta’ dan il-proġett. Saħaq li dan huwa proġett li se jitfa’ lil Malta fuq il-mappa tal-kompetizzjonijiet internazzjonali b’arena tal-ogħla livell.

Il-Padiljun tal-Basketball f’Ta’ Qali ilu mibni minn żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Fl-ewwel fażi tal-proġett inżammet biss l-istruttura tal-ħadid, li ġiet trattata u miżbugħa mill-ġdid. Ma’ din l-istruttura kien intrabat saqaf ġdid u nbidlu l-panelli tal-ħadid li kienu jdawru l-perimetru tal-padiljun.

Fit-tieni fażi tal-proġett inbnew stands akbar għall-ispettaturi biex il-padiljun ikun jista’ jilqa’ fih sa 1,000 spettatur. Il-proġett inkluda wkoll uffiċini u mħażen ġodda, restorant ġdid u anke kmamar ġodda għall-atleti. Fl-istess waqt ingħatat attenzjoni wkoll biex l-arena tkun aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà fejn ġew installati liftijiet u saru rampi apposta sabiex il-padiljun ikun aċċessibbli għal kulħadd. Dan ix-xogħol jikkumplimenta wkoll diversi inizjattivi li ħadet l-MBA.

B’dan l-investiment Malta għandha padiljun ta’ livell internazzjonali li mhux biss jospita logħob u tournaments ta’ livell nazzjonali iżda post li ser jintuża għal-Loghob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa li Malta ser tospita fl-2023.