Aġġornata: S&Ps tikkonferma l-grad A- għal Malta

Skont stqarrija tal-Gvern, l-aġenzija internazzjonali tar-ratings Standard and Poor’s żammet ir-rating fil-grad ta’ “A-“ li tat lil Malta. Il-Gvern qal li l-aġenzija qalet li dan huwa dovut l-iktar minħabba t-tkabbir ekonomiku b’saħtu, it-tnaqqis fid-defiċit tal-gvern u tmexxija fiskali aħjar.
Semma' kif it-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż jiżboq il-medja ta’ dak tal-pajjiżi li għandhom l-Ewro.
Dwar is-settur tal-enerġija, il-Gvern qal li Standard and Poor’s qalet li bl-interconnector u l-qalba għall-gass, is-servizz tad-dawl fil-pajjiż se jkun jiflaħ iktar u bi prezzijiet orħos.
Il-Gvern qal li l-aġenzija kompliet tgħid li t-tbassir ekonomiku ta’ Malta jibqa’ wieħed stabbli, bis-settur tas-servizzi finanzjarji jista’ jieħu spinta oħra ‘l quddiem wara Brexit. Fl-istess ħin, qal li Malta tidher lesta biex tilqa’ għal kull xokk li tista’ toffri Brexit għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
L-istqarrija tal-Gvern aċċennat ukoll għaż-żieda fil-għadd ta’ nisa li daħlu fid-dinja tax-xogħol f’Malta.
Il-Gvern ikkonkluda billi qal li Standard and Poor’s qed testima li l-Prodott Gross Domestiku Malti se jikber b’rata ta’ 3% fis-sena sal-2020.