S&P tikkonferma li l-ekonomija ta’ Malta kibret b’4.5% fl-2015

L-aġenzija tal-kreditu internazzjonali Standard & Poor’s ikkonfermat ir-rata tal-kreditu BBB+/A-2 bi tbassir pożittiv. Ikkonfermat ukoll li l-ekonomija ta’ Malta għall-2015 kibret b’4.5% u li se tkompli tespandi bi tkabbir li jkun ikbar minn dik taż-żona ewro.
Fir-rapport dwar Malta, Standard & Poor’s qed tbassar li l-ekonomija se tikber bi 2.8% f’termini reali bejn l-2016 u l-2018, bid-dejn jinżel għal 54% tal-GDP sal-2018.
Standard & Poor’s tagħmel referenza wkoll għall-investiment fi settur tal-enerġija, it-tnaqqis fir-rata tal-qgħad u ż-żieda fin-nisa li qed jaħdmu bħala pedament għas-suċċess ekonomiku.
Ġiet ikkonfermata wkoll ir-rata tax-xogħol ta’ 63%, li kibret minn 57% fl-2005.
L-aġenzija tal-kreditu internazzjonali iżda tinnota li intraprizi fejn hemm investiment mill-Gvern jirrappreżentaw riskju fiskali bħall-5% tal-GDP fl-Air Malta u li l-Enemalta mhix se tirreġistra profitt qabel l-2017.