​S&P iżżomm ir-rating ta’ A għal Malta

L-aġenzija S&P Global Ratings affermat ir-rating fil-grad “A” għal Malta, filwaqt li żammet l-outlook għar-rating bħala wieħed pożittiv.
S&P qalet li r-rating ta’ Malta jista’ jkompli jitjieb fis-sena u nofs li ġejjin jekk l-ekonomija tkompli tikber u jekk id-dejn tal-Gvern b’rabta mal-Prodott Gross Domestiku jkompli jinżel.
Kundizzjonijiet oħra li jwasslu għal titjib li ssemmew minn S&P jinkludu wkoll riformi fl-intrapriżi statali u trasparenza ikbar fis-servizzi finanzjarji.
Semmew ukoll li min-naħa l-oħra, it-tbassir jista’ jinqaleb għal wieħed “stabbli” jekk il-prezzijiet tad-djar jibqgħu telgħin, jekk ikun hemm nuqqasijiet fil-miżuri fiskali bħal pereżempju tnaqqis fil-kapaċità tal-Gvern li jiġbor taxxi, jew tnaqqir tal-kontrolli istituzzjonali.
Dwar is-sitwazzjoni preżenti, l-aġenzija qalet li waqt li kienet bassret rata ta’ tkabbir ekonomiku ta’ 4%, din kienet ta’ 4.5%.
Tattribwixxi dan it-tkabbir għal miżuri li ttieħdu mill-Gvern fl-aħħar leġiżlatura, li nkludew fost l-oħrajn tnaqqis fid-dejn tal-Gvern, riformi strutturali u żieda fis-sehem tan-nisa fis-suq tax-xogħol. 
S&P Global Ratings qed tbassar li l-piż tad-dejn nazzjonali se jkompli jonqos għal 44% tal-ġid nazzjonali sal-2021.
Issemmi kif l-ekonomija Maltija hija ffukata dejjem aktar fuq is-setturi tat-turiżmu u l-e-gaming.
Tgħid li l-akbar riskji għal Malta huma l-ekonomija miftuħa u żgħira, l-implikazzjonijiet ta' Brexit kif ukoll sfidi dwar regolamenti ta’ taxxi.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li huwa sodisfatt ħafna b’dawn ir-ratings, u li se jibqa’ jaħdem biex Malta tkompli tgawdi minn fiduċja akbar fil-kamp internazzjonali.