S’issa jinġabru €49,400 waqt il-maratona Oħloq Tbissima

Illum daħlet fit-tienu jum tagħha l-maratona Oħloq Tbissima fejn s’issa nġabru €49,400.
It-tnax-il edizzjoni tal-maratona se tibqa’ għaddejja s’għada filgħaxija u matulha qed jinġabru flus għall-missjoni li s-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl għandha fil-Peru, il-Pakistan u l-Filippini.
Illum żar il-maratona l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li ddeskriva t-tbatija bħala l-isfida għall-umanità. Qal li meta l-bnedmin jippruvaw jegħlbu din l-isfida billi jkunu qrib bnedmin oħra, jkunu qed jilħqu l-milja tagħhom bħala “soċjetà f’dinja ferm akbar.”
Simon Busuttil saħaq li l-maratona Oħloq Tbissima kull sena tagħti l-opportunità lill-poplu Malti biex jidħol għal din l-isfida u jgħin bnedmin oħra li qed ibatu. Żied li l-maratona toffri wkoll opportunità biex il-Maltin jifmhu l-kuntest tal-migrazzjoni fejn minħabba t-tbatija bnedmin “jaħarbu mit-tbatija f'pajjiżhom u jsibu ruħhom fuq xtajtiet imbiegħda.”
Il-Kap tal-Oppożizzoni rringrazja lis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl għall-ħidma tagħha f’Malta u barra minn Malta. Irringrazja wkoll lill-volontiera u l-Maltin li qed jagħtu l-għajnuna finanzjarja tagħhom.