Ryanair traħħas multa tal-boarding pass minħabba Marlene Mizzi

Il-linja tal-ajru Ryanair naqqset it-tariffi tagħha għal dawk li ma jippreżentawx kopja tal-boarding pass. It-tariffa kienet ta’ €70 u issa traħħset għal €15.
Dan wara li f’Novembru li għadda, l-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi staqsiet lill-Kummissjoni Ewropea dwar it-tariffa eċċessiva fuq dawn il-passiġġieri.
Fil-mistoqsija tagħha Mizzi tefgħet dubju dwar jekk din it-tariffa kinitx legali u jekk kinitx diskriminatorja fuq dawk in-nies li m’għandhomx kompjuter u printer u għalhekk ma setgħux ikollhom id-dokument mitlub mil-kumpanija.
L-MEP irċeviet ittra mir-Ryanair stess li fiha nfurmawha li t-tariffa tnaqqset għal €15.
Fl-ittra tagħhom qalu li t-tariffa hija waħda li hi konformi mal-liġi minħabba li l-klijent, waqt li jkun qed jagħmel ir-riservazzjoni jkun infurmat li jrid jippreżenta dan id-dokument.
Min-naħa tagħha Mizzi laqgħet dan it-tnaqqis b’sodisfazzjon, iżda qalet li xorta temmen li t-tariffa għandha titneħħa għal kollox.
Spjegat li l-linja tal-ajru għandha tkun obbligata li tkun hi li tagħti dan id-dokument lill-passiġġier mingħajr kundizzjoni.