Ryanair tista’ tieħu post l-Air Malta – rapport tal-UE

Rapport ippubblikat mill-Parlament Ewropew fuq talba tal-Membru Parlamentari Ewropew Alfred Sant jissuġġerixxi li l-linja tal-ajru Ryanair tista’ potenzjalment issir il-linja tal-ajru dominanti f’Malta u titfa’ lill-Air Malta barra mis-suq.

L-istudju tal-Parlament Ewropew bit-titlu “L-Impatt ta’ Prattiċi Kummerċjali Inġusti fuq il-Kompetizzjoni fis-Settur tat-Trasport tal-Passiġġieri tal-UE” sar għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON) li l-eks Prim Ministru huwa membru fih.

L-istudju għandu l-għan li jidentifika u janalizza l-prattiċi inġusti fil-kummerċ tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri li mhux biss huma ta’ detriment għall-konsumaturi, iżda jistgħu wkoll jgħawġu l-kompetizzjoni fis-Suq Uniku Ewropew.

Ir-rapport inbeda b’inizjattiva ta’ Alfred Sant. Huwa jinkludi studju speċifiku dwar Malta li jeżamina s-settur tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru f’Malta, iħares lejn żviluppi riċenti, u jesplora l-possibbiltajiet f’termini ta’ protezzjoni u kompetizzjoni tal-konsumatur. Ir-rapport jinnota li minkejja l-koperazzjoni reċiproka li mmarkat ir-relazzjoni bejn iż-żewġ linji tal-ajru s’issa, ma jistax jiġi eskluż li t-tnedija tal-linja tal-ajru sussidjarja ta’ Ryanair – il-Malta Air – toħloq bidla fis-sitwazzjoni attwali tas-suq.

Ir-rapport josserva li r-Ryanair u l-Air Malta kienu qed jalternaw bejniethom għall-aqwa post fis-suq Malti iżda minn issa ‘l quddiem, Ryanair żgur li se tikber fil-preżenza diġà mdaqqsa tagħha f’Malta, inkluż li tikseb aċċess għal swieq mhux fl-Afrika ta’ Fuq u, bħala konsegwenza, potenzjalment issir il-linja tal-ajru dominanti f’Malta.