Ryanair tippjana li tiftaħ 40% tat-titjiriet minn Lulju

Miguela Xuereb

Il-kumpanija tal-ajru Ryanair ħabbret li mill-1 ta’ Lulju se tkun qed treġġa’ lura 40% tat-titjiriet tagħha. Fi stqarrija l-kumpanija spjegat li dan jiddependi wkoll jekk il-gvernijiet minn fejn topera l-kumpanija hux se jkunu qed jiftħu l-ajruporti tagħhom għall-ivvjaġġar fl-Unjoni Ewropea.

Il-kumpanija qalet li b’hekk se tkun qed tħaddem mill-ġdid mal-1,000 titjira kuljum billi tħaddem mad-90% tar-rotot li kienet tħaddem qabel il-pandemija tal-coronavirus.

Malta inkluża f’dan kollu?

Minkejja li fl-istqarrija tal-kumpanija m’hemmx miktub propju mil-liema bażijiet se tkun qed topera dawn it-titjiriet, meta wieħed jidħol fis-sit tar-Ryanair u jipprova jixtri titjira minn Malta għall-pajjiż ieħor, hu qed jitħalla jagħmel dan. Titjiriet lejn ċertu pajjiżi huma disponibbli minn Lulju ‘l quddiem.

Intant, titjiriet lejn pajjiżi oħrajn bħal lejn l-Estonja u n-Netherlands huma disponibbli minn Settembru jew Ottubru li ġej.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet aktar kmieni llum, is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci spjegat li f’Malta s-sitwazzjoni kienet ikkontrollata u stabbli għax kien hemm strateġija. Fakkret li l-pajjiż qatt ma kien f’full lockdown u assiguraw li kemm jista’ jkun l-impatt ikun mill-inqas. Qalet li l-mod ta’ kif mexjin ‘il quddiem huwa li permess ta’ assessment, huma bdew jirrilaxxaw miżuri u kif jgħaddu l-ġranet li jmiss jasal iż-żmien ukoll biex ċertu miżuri jkunu rilaxxati. Minkejja dan, ma kkjarifikatx jekk dan partikolarment japplikax għall-ftuħ tal-ajruport.

Intant, Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Ministeru għat-Turiżmu dwar x’inhuma l-pjanijiet għall-ftuħ tal-ajruport. Sal-ħin tal-pubblikazzjoni ma waslet l-ebda risposta.

It-titjiriet minn u lejn Malta kienu ġew sospiżi fl-20 ta’ Marzu b’ordni li ħarġet mis-Superintendent għas-Saħħa Pubblika u li kellha tibqa’ fis-seħħ sat-23 ta’ April. Intant, din l-ordni kienet iġġeddet sal-31 ta’ Mejju. Is-Superintendent kienet ordnat li jingħalqu l-portijiet tal-pajjiż ħlief għall-merkanzija, titjiriet ta’ ripatrijazzjoni u vjaġġar essenzjali ieħor.

Fil-Parlament, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri kien ħabbar li probabbilment il-ftuħ tal-ajruport se jkun l-aħħar restrizzjoni li tiġi rilaxxata u dan jiddependi minn dak li jagħmlu pajjiżi oħra.

Ryanair trid toffri aktar varjetà minflok frekwenza

Minn nofs Marzu, il-kumpanija bdiet topera fuq skeda ta’ madwar 30 titjira kuljum bejn l-Irlanda, ir-Renju Unit u l-Ewropa. Minn Lulju, qalet li se tkun qed terġa’ tħaddem titjiriet mill-maġġoranza tal-bażi tagħha fl-Ewropa. Il-kumpanija tħaddem titjiriet minn 80 bażi differenti. Spjegat li ċertu titjiriet se jkunu inqas frekwenti. Qalet li l-ħsieb huwa li toffri varjeta akbar ta’ titjiriet minflok tiffoka fuq il-frekwenza ta’ numru limitat ta’ titjiriet.

Il-kumpanija ppubblikat ukoll filmat fejn qed teduka lill-passiġġieri kif josservaw il-miżuri tas-saħħa biex jevitaw il-firxa tal-virus. Dawn jinkludu inqas bagalji, li ċ-check in isir fuq l-internet, li l-boarding pass titniżżel fuq il-mobile u li kull passiġġier jgħaddi mit-test għad-deni u jilbes maskri jew visors il-ħin kollu li jkunu fit-terminal u fuq l-ajruplan. Il-kumpanija qalet li l-ajruplani tagħha jkunu diżinfettati kull filgħaxija bi protezzjoni ta’ 24 siegħa.

Spjegat ukoll li fuq l-ajruplan, l-ekwipaġġ se jkun liebes face masks jew visors u l-passiġġieri se jkunu jistgħu jixtru xi prodotti pre-packaged u jħallsu bil-karti tal-kreditu. Il-passiġġiera mhux se jitħallew joqgħodu fi kju biex jużaw it-toilet, iżda wieħed irid jitlob permess biex jagħmel dan.

Ir-Ryanair qalet ukoll li l-passiġġiera kollha li se jkunu qed isiefru bejn Lulju u Awwissu tal-2020, se jkunu qed jintalbu biex jimlew formola bid-dettalji ta’ kemm se jdumu fiż-żjara tagħhom u fejn se jkunu qed joqgħodu. Din il-formola mbagħad se tkun mgħoddijja lill-gvernijiet Ewrope sabiex tgħinhom jimmonitorjaw ir-regolamenti tal-iżolazzjoni.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kumpanija, Eddie Wilson, qal li l-kumpanija diġà bdiet tbigħ it-titjiriet mill-1 ta’ Lulju bi prezzijiet li jibdew minn €19.99.

L-ivjaġġar fl-Unjoni Ewropea

Fis-17 ta’ Marzu, l-Istati Membri Ewrope qablu dwar azzjoni koordinata u rrakommandata mill-Kummissjoni Ewropea sabiex ikun hemm restrizzjoni fuq vjaġġar li mhux essenzjali għal 30 jum. Ftit wara kienet ittieħdet deċiżjoni biex dan il-perjodu jibqa’ għaddej sal-15 ta’ Mejju.

Fit-8 ta’ Mejju mbagħad, il-Kummissjoni Ewropa rrakkomandat li jkun hemm estenzjoni ta’ din il-miżura għal 30 jum ieħor. Dawn ir-restrizzjonijiet mistennija jiskadu fil-15 ta’ Ġunju. Dan jinkludi30 pajjiż: 26 minn 27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u l-erba’ stati tax-Schengen li huma l-Iżlanda, Liexhtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera. L-Irlanda mhux qed tapplika r-restrizzjoni fuq l-ivjaġġar.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn