Ryanair tikkanċella 190 titjira

Ryanair titjira tikkanċella
REUTERS/Wolfgang Rattay

Il-kumpanija tal-arju, Ryanair ikkanċellat madwar 190 titjira ta’ nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Settembru minħabba strajks tal-ekwipaġġ tal-kabina li se jkunu qed isiru fl-Ewropa.

Ryanair qalet li l-klijenti li se jiġu affettwati mill-istrajk kollha rċivew emails dalgħodu biex jagħtuhom pariri dwar il- kanċellazzjonijiet. Il-kumpanija sostniet li l-190 titjira jikkostitwixxu biss 8% ta’ 2,400 titjira, iżda li bla dubju, il-kanċellazzjonijiet ma joffru l-ebda kumdità lill-eluf ta’ passiġġiera bi pjanijiet li jivvjaġġaw dakinhar.

Ryanair bħalissa qed taffaċċja strajkijiet mill-ekwipaġġ tal-kabina madwar Spanja, il-Belġju, l-Olanda, il-Portugall, l-Italja u l-Ġermanja wara li naqset milli tasal għal ftehim waqt in-negozjati mal-għaqdiet. Mhuwiex biss l-ekwipaġġ tal-kabina ta’ Ryanair li se jorganizzaw strajks minħabba li l-għaqdiet  jirrappreżentaw għadd ta’ kumpaniji tal-ajru. L-għan ewlieni tal-istrajks huwa biex l-għaqdiet jitolbu kuntratti għall-impjegati li jaqgħu taħt il-liġijiet tax-xogħol tal-pajjiżi tagħhom stess.

Skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropea, tista’ tikseb kumpens jekk ma tkunx possibli li titla’ abbord l-ajruplan, jew jekk it-titjira tiegħek tiġi kkanċellata jew ittardjata b’sagħtejn jew aktar. Fil-każ ta’ kanċellazzjoni, r-regola hija li tista’ tikseb kumpens jekk tingħata inqas minn 14-il ġurnata avviż – u tista’ tkun intitolat għal rifużjoni sħiħa.