Ryanair tħabbar meta se jingħataw il-flus lura lill-klijenti għat-titjiriet li tħassru

Miguela Xuereb

Il-linja tal-ajru Ryanair ħabbret meta l-klijenti li kellhom titjira kanċellata minħabba l-pandemija se jieħdu flushom lura.

Fi stqarrija, il-kumpanija qalet li għamlet progress kbir biex tipproċessa r-rifużjonijiet monetarji għall-klijenti tagħha li tħassrulhom it-titjiriet li kellhom ibbukkjati bejn Marzu u Ġunju.

Spjegat li minn meta reġgħu fetħu l-uffiċċji tal-kumpanija f’Dublin fl-Irlanda fl-1 ta’ Ġunju, ġew imħarrġin aktar impjegati biex jaħdmu fuq ir-rifużjonijiet. Id-dati meta dawn se jingħataw huma:

  • It-talbiet għal rifużjoni għal titjiriet f’Marzu tlestew kollha
  • Sal-aħħar ta’ Ġunju tlestew nofs it-talbiet għal rifjużjoni għal titjiriet f’April
  • Sal-15 ta’ Lulju, se jingħataw flushom lura l-bqija tan-nies li kellhom isiefru f’April
  • Sa tmiem Lulju, dawk li kellhom isiefru f’Mejju u f’Ġunju se jingħataw flushom lura

Dawn id-dettalji jinkludu lil dawk il-passiġġiera li aċċettaw vawċers tal-ivvjaġġar jew li jmexxu t-titjira tagħhom għal Lulju, Awwissu u Settembru.

Ryanair qiegħda tieħu ħsieb li tikkuntattja lill-aġenti tal-ivvjaġġar online wkoll sabiex dawk jipprovdu d-dettalji eżatti tal-bukings mhux awtorizzati, peress li dan qed iwaqqaf lill-kumpanija milli tipproċessa l-flus lura lill-klijenti.