Ryanair se tagħlaq il-websajt għal titjib fis-sistema

Xiri ta’ biljetti onlajn u anke check-in onlajn mar-Ryanair se jieqfu għal 12-il siegħa, hekk kif il-linja tal-ajru se jkollha tagħlaq il-websajt u l-app għal titjib fis-sistema.

Skont il-BBC, il-websajt se tagħlaq mis-6pm tal-Erbgħa sas-6am tal-Ħamis ta’ din il-ġimgħa. L-istess rapport jgħid li l-kumpanija skużat ruħha mal-klijenti għal kull inkonvenjent u talbet lil dawk li għandhom bżonn jagħmlu check-in biex jagħmluh qabel tagħlaq il-websajt.

Is-sit tar-Ryanair ikollu madwar 1.5 miljun żjara kuljum, u jitniżżlu mat-23,000 boarding pass.

Għadu mhux magħruf jekk minħabba l-għeluq tal-websajt, il-passiġġieri li jispiċċaw jagħmlu check-in fl-ajruport ikollhomx iħallsu l-multa xorta waħda.