Ryanair se tagħlaq il-bażijiet tagħha f’Cork u Shannon għax-xitwa

Miguela Xuereb

Ryanair għadha kemm ħabbret li se tagħlaq il-bażijiet tagħha f’Cork u Shannon għax-Xitwa.

Dan wara li l-kumpanija ħabbret li l-attività matul ix-xitwa mistennija tonqos bejn 40% u 60% meta mqabbla max-xitwa li għaddiet.

Il-bażi tagħha f’Toulouse fi Franza mistennija tagħlaq ukoll u se jkun hemm tnaqqis sinifjikanti fl-attività fil-bażijiet tagħha fil-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, il-Portugall u fl-Awstrija, skond stqarrija tal-kumpanija.

Il-kumpanija qalet li dan qiegħed isir wara li ħafna pajjiżi qed jimponu ħafna restrizzjonijiet fuq titjiriet madwar l-Ewropa. Dan wassal ukoll għal tnaqqis fir-rata ta’ bookings bil-quddiem matul Ottubru, kif ukoll f’Novembru u Diċembru.

“Filwaqt li jiddispjaċina li qiegħed ikollna nieħdu din id-deċiżjoni li nnaqqsu l-attività matul ix-xhur tax-xitwa, din kienet deċiżjoni imposta fuqna kaġun tal-mod żbaljat kif il-gvern immaniġġja l-aspett ta’ vjaġġar bl-ajru fl-Unjoni Ewropea,” qal il-Kap Eżekuttiv ta’ Ryanair Michael O’Leary.

“L-impenn tagħna se jibqa’ li nippruvaw kemm jista’ jkun li nżommu skeda kbira ta’ ħidma sa fejn ikun possibbli biex inżommu l-ajruplani, il-piloti u l-cabin crew filwaqt li nnaqqsu t-telf ta’ mpjiegi,” kompla qal.

“Se jkun inevitabbli li ma nimplimentawx iżjed miżuri ta’ leave bla ħlas u job sharing matul din ix-xitwa f’dawk il-bażijiet fejn intlaħaq ftehim li napplikaw xogħol u pagi mnaqqsin, iżda din il-miżura hija ferm aħjar fi żmien qasir milli ħafna telf ta’ mpjiegi.”

Il-linja tal-ajru kienet avżat ġimgħat ilu li tista’ tkun sfurzata li tagħlaq il-bażijiet ta’ Shannon u Cork għax-xitwa jekk il-Gvern ma jkunx ħa passi biex jiftaħ l-ivjaġġar bl-ajru billi jadotta immedjatament sistema ġdida ta’ stil tat-traffiku fl-UE li tikklassifika ‘ pajjiżi skond il-livell ta’ Covid-19 tagħhom.

O’Leary u Ryanair se jkomplu jħeġġu lill-gvernijiet kollha fl-UE sabiex jadottaw is-sistema Ewropea malajr kemm jista’ jkun.

Ryanair timpjega 80 pilota u cabin crew fil-bażi tagħha f’Cork u 55 f’Shannon. Il-kumpanija qalet li d-deċiżjoni li tagħlaq dawn il-bażijijet b’mod temporanju matul ix-xitwa se jfisser li għalissa se jkunu mingħajr impjieg.

Qabel ma faqqgħet il-pandemija, Ryanair kienet qed isservi 23 destinazzjoni minn Cork u 13-il destinazzjoni minn Shannon.