Ryan Mercieca jitfa’ n-nomina għas-siġġu parlamentari fuq it-13-il distrett

Ryan-Mercieca
Facebook

Read in English.

Ryan Mercieca ssottometta l-kandidatura tiegħu għall-elezzjoni każwali fuq it-13-il distrett.

Din l-elezzjoni tħabbret wara l-mewt ta’ Frederick Azzopardi, id-Deputat Nazzjonalista Għawdxi li miet ix-xahar li għadda.

Mercieca stqarr li l-kandidatura tiegħu ssottomettieha b’rispett lejn il-votanti u bi mħabba lejn Għawdex. Qal li l-ebda attakk ma jnaqqas it-twemmin tiegħu “li l-ġudizzju tal-poplu hu sovrann,” filwaqt li qal li jirrispetta l-proċess demokratiku.

Dan qalu billi huwa sar kandidat kontroversjali minħabba li l-Partit Nazzjonalista ddiżassoċja ruħu minn miegħu fl-aħħar jiem, minħabba każ ta’ libell li tilef xi snin ilu fuq akkużi li żamm xi flus li ma kinux tiegħu.

Min-naħa tiegħu, Mercieca qal li hu stess qal lill-PN li ma jridx ikun kandidat tiegħu. Fl-istqarrija tiegħu maħruġa llum, Mercieca qal li m’hemm l-ebda fatt li jtappan ir-reputazzjoni tiegħu, u l-allegazzjonijiet dwaru ġew ripetuti kemm-il darba minkejja li hu rribattiehom.

Temm jgħid li n-nomina tiegħu hi “f’isem dawk kollha li sfaw vittmi ta’ inġustizzja.” Skontu, il-politika ssir bil-ħolqien tal-ideat u mhux billi jinħolqu “konġuri biex neskludu n-nies.”

Itellqu kontrih għas-siġġu parlamentari fl-elezzjoni każwali t’għada se jkun hemm Maria Portelli, Ċensu Galea, Joseph Ellis u Jason Zammit.