Ryan Mercieca jikkjarifika li hu ma qalx li se jitfa’ n-nomina fuq it-13-il distrett

Ryan_Mercieca

Read in English.

Ryan Mercieca ħareġ stqarrija sabiex jikkjarifika dak li qal il-Partit Nazzjonalista dwaru, u stqarr li hu ma qalx li se jitfa’ n-nomina biex jieħu s-siġġu parlamentari tat-13-il distrett, u lanqas ma qal li mhux beħsiebu jimxi mad-direzzjoni li tah il-Partit.

Il-Partit Nazzjonalista lbieraħ iddiżassoċja ruħu minn ma’ Mercieca. Ħabbar ukoll li beda l-proċeduri għat-tkeċċija ta’ Mercieca mill-Partit, wara rapporti li kienu dehru fuqu fil-midja, u anke minħabba sentenza tal-Qrati tal-Ġustizzja li kienet ingħatatlu wara l-aħħar elezzjoni ġenerali f’kawża ta’ libell li kien fetaħ Mercieca stess.

Fl-istqarrija tiegħu, Mercieca kkjarifika li fil-laqgħa li kellu maċ-Chairman tal-Kummissjoni tal-Etika, Dixxiplina u Midja Francis Zammit Dimech, huwa ġibidlu l-attenzjoni li hu qatt ma nstab ħati fil-qorti. F’din il-laqgħa, Mercieca informa lil Zammit Dimech li hu ma jridx jiġi kkunsidrat kandidat tal-Partit Nazzjonalista b’effett immedjat.

Għalhekk, Mercieca qal li l-istqarrija tal-PN ma ssemmix id-deċiżjoni tiegħu biex ma jibqax jiġi kkunsidrat kandidat tal-Partit.

Hu ddikjara li hu lest jiddefendi l-pożizzjoni u r-reputazzjoni tiegħu. Temm jgħid li, “Għalija l-politika biex ibbażata fuq l-imminar tan-nies imma fuq li televahom.”

Il-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ irrefera għal Mercieca f’diskorsu. Akkuża lill-PN li qed ikisser kandidat prospettiv biex jimla s-siġġu battal ta’ Frederick Azzopardi. Qal li dak li qed jiġri lil Ryan Mercieca ma sarx mal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u ma’ deputat Nazzjonalista prominenti. Stqarr li filwaqt li Mercieca qed jiġi investigat talli żamm għandu flus mhux tiegħu, Grech ma raddx lura l-VAT u l-PN ippremjah billi għamlu Kap tal-Partit.

S’issa tefgħu n-nomini tagħhom Maria Portelli, Ċensu Galea u Jason Zammit għas-siġġu parlamentari tat-13-il distrett. Dan tbattal meta miet id-Deputat Frederick Azzopardi x-xahar li għadda.