Ryan Camenzuli magħżul bħala l-BOV Plejer tax-Xahar għal Diċembru

Il-plejer ta’ Birkirkara, Ryan Camenzuli, rebaħ l-unur tal-BOV Plejer tax-Xahar għal Diċembru.
Huwa kien strumentali fl-ewwel partita ta' Diċembru kontra Tarxien Rainbows fejn il-prestazzjoni mill-aqwa ta’ tiegħu fuq il-linja tax-xellug wasslet biex skorja l-gowl deċiżiv u ġie vvutat il-BOV Plejer tal-Partita.
Wara t-telfa tagħhom kontra Valletta, Birkirkara reġgħu lura għar-rebħ kontra Pembroke FC u Mosta, biż-żewġ partiti jintemmu bl-iskor ta’ 3-0.
Ryan Camenzuli skorja l-gowl tal-ftuħ għal Birkirkara fil-partita kontra Pembroke u kompla bil-prestazzjoni tajba tiegħu matul ix-xahar b’wirja oħra mill-aqwa kontra Mosta.
F'din il-partita, fil-91 minuta, minn azzjoni personali għeleb lill-gowler Yenz Cini u ġie vvutat il-plejer tal-partita għat-tieni darba matul ix-xahar ta’ Diċembru.
Bernard Azzopardi, il-Maniġer tal-Fergħa ta’ Birkirkara tal-Bank of Valletta ppreżenta t-trofew tal-BOV Plejer tax-Xahar għal Diċembru 2015 lil Camenzuli li min-naħa tiegħu għażel lid-Dar tal-Providenza biex jibbenefikaw mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan il-premju.